Tuesday, May 14, 2024

“Għal ġenitur hija weġgħa indeskrivibbli li ħaddieħor jgħidlu li ma jimpurtahx mill-kundizzjoni ta’ ibnu”

Il-Psikologa Katya De Giovanni favur li jinkiser l-isterjotip li persuni b’diżabbiltà huma dawk biss bi problemi ta’ mobbiltà

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Omm ta’ tifel bl-awtiżmu qasmet l-esperjenza tagħha wara li fl-aħħar sigħat ġiet insulentata minn persuna oħra waqt li kienet qiegħda ma’ binha f’kafetterija f’Tas-Sliema.

L-omm irrakkuntat li binha kien qiegħed jilgħab bit-tablet meta f’mumenti fejn biex jesprimi l-kuntentizza tiegħu beda jagħmel ċertu ħsejjes li għalih huma l-mod kif jesprimi lilu nnifsu. Ftit mwejjed ’il bogħod minnhom poġġa raġel ieħor b’tifla żgħira miegħu li meta fettillu beda jgħajjat u jxejjer idu minħabba dawn il-ħsejjes. L-omm spjegat li hi dejjem tagħżel mejda kemm jista’ jkun f’kantuniera għax hija konxja minn dawn il-ħsejjes, iżda li dan ir-raġel seta’ faċilment mar fuq mejda aktar ’il bogħod.

“Li barrani jgħidlek ma jimpurtanix x’għandu ibnek… mhux kull ġenitur kapaċi jaffrontahom”

Omm ta’ tifel bl-awtiżmu

“Ma jinteressanix x’għandu ibnek, sikktu!” Din kienet ir-reazzjoni ta’ dan ir-raġel allegatament barrani meta l-omm qamet bl-edukazzjoni kollha biex tispjegalu li binha kellu l-awtiżmu.

Hija temmet tgħid li din l-imġiba qiegħda twassal biex aktar ġenituri li għandhom tfal bl-awtiżmu jispiċċaw msakkrin fi djarhom għaliex ma jkunux jifilħu jaffrontaw lil dawn il-persuni li ftit li xejn jgħinuhom joħorġu mill-qoxra li bla ma jkunu jridu titrabbielhom minħabba din l-istigma.

“Bżonn ta’ aktar edukazzjoni dwar diżabbilitajiet li ma jidhrux”

Il-Psikologa Katya De Giovanni

Dan is-sit għamel kuntatt mal-Psikologa Katya De Giovanni b’rabta ma’ dan il-każ fejn spjegatilna li bħala pajjiż li jħaddan l-inklussività jeħtieġ li nkomplu nedukaw biex nkunu aktar tolleranti.

Il-Psikologa spjegat li l-isterjotipi ta’ persuni b’diżabbiltà huma biss dawk il-persuni li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà bħal ngħidu aħna persuni f’siġġijiet tar-roti jeħtieġ li jiġi estiż. Hija sostniet dwar il-bżonn ta’ aktar għarfien dwar dawk li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali li huma wkoll diżabbilitajiet li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti f’soċjetà moderna fejn jeħtieġ li nkunu aktar tolleranti ma’ xulxin.

Rigward il-fatt li każijiet bħal dawn iwasslu biex ikomplu jweġġgħu lill-ġenituri u jġegħluhom bħal jinqaflu ġewwa, b’konsegwenza li jbatu kemm huma li mentalment irabbu bħal qoxra li jibdew jibżgħu mir-reazzjonijiet tan-nies kull fejn imorru, kif ukoll uliedhom li intortament jispiċċaw dejjem bejn l-istess erba’ ħitan, De Giovanni faħħret il-ftuħ tal-ewwel stabbiliment f’pajjiżna li huwa atrezzat apposta għal dawn il-familji.

De Giovanni spjegat li l-gvern se jkun qiegħed jaħdem biex dan ma jkunx l-uniku stabbiliment u li għalkemm dan kien pass tajjeb ‘il quddiem, jeħtieġ li jkun hawn aktar kuxjenza biex dawn il-familji jkunu aktar tollerati.

Hija temmet tappella wkoll għal aktar inizjattiva mis-sidien tal-istabbilimenti li b’sempliċiment sticker jistgħu jgħinu ferm aktar milli jaħsbu. Li ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu jidħlu fi stabbiliment u jaraw sempliċiment sticker b’messaġġi ta’ aktar tolleranza jew li jeħtieġ li nilbsu ż-żarbun ta’ xulxin qabel nibdew nippuntaw is-swaba’, ċertament li tgħinhom biex jaffrontaw sitwazzjonijiet skomdi fejn ikunu jistgħu jispjegaw li anke s-sidien tal-istabbilimenti qegħdin jiġbdu l-istess ħabel magħhom.

Sport