“Għal kull ewro li ninvestu bil-cash rebate, nieħdu €3 lura. Dan l-istudju jikkonferma dak li aħna ilna nsostnu. Ilna snin nitkellmu fuq is-sostenibilità u ilna ngħidu kemm huwa importanti l-cash rebate għall-films u x’valur kbir joffri lil pajjiżna.” Qal dan il-Kummissarju tal-Films Johann Grech meta aktar kmieni ġie ppreżentat studju dwar l-impatt ekonomiku li qed tħalli l-industrija tal-films f’pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu, Grech insista li ilhom is-snin jispjegaw kif din l-industrija qiegħda toħloq aktar impjiegi u hi waħda mill-muturi ekonomiċi ta’ pajjiżna. Enfasizza wkoll li n-numri jikkonfermaw dan kollu.
“Din l-industrija mhix qed tkun ta’ piż fuq il-pajjiż imma hi l-enerġija tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Il-films jiġġeneraw il-ġid biex insostnu oqsma oħra f’pajjiżna. Kburi b’dak li ksibna lkoll flimkien,” qal il-Kummissarju tal-Films.
Tenna li dwar il-programm ta’ cash rebate, li dan il-Gvern saħħaħ, saru diversi allegazzjonijiet fosthom kien hemm min qal li dan mhux sostenibbli u li qed isir ta’ sparpaljar ta’ flus. Qal li l-istudju juri li dan mhux minnu, anzi fi kliemu “l-programm tagħna huwa suċċess.”
“Il-poplu qed jieħu tliet darbiet aktar għal kull ewro li qed tiġi investita. Dejjem spjegajna kif dan huwa mudell sostenibbli u jħalli impatt ekonomiku pożittiv,” qal Grech li semma kif f’dawn l-aħħar ġimgħat kellu diversi laqgħat ma’ produtturi barranin biex iserrħilhom moħħhom li jistgħu jibqgħu jiġu Malta għaliex “il-programm ta’ cash rebate hwa wieħed b’saħħtu u se jibqa’ kif inhu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li dan l-istudju jagħtti stampa ċar fejn ninsabu llum u l-potenzjal li għandha din l-industrija. Huwa rrimarka li l-programm ta’ cash rebate huwa wieħed sostenibbli u mhux se jitneħħa.
“Kull min qal fil-ġimgħat li għaddew li l-pajjiż qed imur min taħt minħabba l-cash rebate ma kienx qed jgħid il-verità u kien qed iqarraq. Ir-rebate qed jingħata għax hemm dħul ekonomiku,” qal il-Ministru Bartolo.
Għal kull €1 investiti fil-cash rebate, qed jirriżultaw f’kontribuzzjoni ta’ taxxa ta’ €1.14ċ. Matul l-2022, l-industrija tal-films sarrfet f’xejn inqas minn 1,772 full-time ekwivalenti li dawn ikkontribwixxew madwar €36 miljun f’taxxa lil pajjiżna.
Il-Ministru Bartolo tenna jgħid li mgħandu l-ebda problema li jippreżenta dan ir-rapport lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali sabiex ikun jista’ jinkludih fl-investigazzjoni li qed jagħmel fejn jidħol il-cash rebate.