“Għal xi wħud jista’ ma jfisser xejn ħlief ritratt, għalija jfisser ħafna”. Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-fotografu Malti Mario Vassallo hekk kif ingħata l-aħbar li kien ġie nominat minn panel ta’ ġurija għall-premju ‘Photographer of The Year 2023’ f’ċerimonja li se tittella’ f’Londra fid-19 ta’ Jannar li ġej.
Din is-sena l-ġurija nnominat bejn tlieta u ħames ritratti f’kull kategorija u minn fosthom se jkun qiegħed jintgħażel rebbieħ wieħed.
Il-fotografu Malti jinsab nominat fil-kategorija tat-tiġijiet b’ritratt mimli emozzjonijiet imħallta filwaqt li l-attenzjoni tibqa’ fuq l-għarus.
Jekk kemm il-darba Vassallo jirnexxielu jikseb l-ewwel post fil-kategorija tiegħu, huwa awtomatikament jidħol fiċ-ċans għal unur ieħor tal-aqwa fotografu tas-sena fejn se jkunu qegħdin jingħataw l-ewwel, it-tieni u t-tielet post b’kompetizzjoni b’saħħitha ta’ fotografi rinomati internazzjonalment.
“Kif jgħidu, dejjem ibqa’ b’rasek merfgħuha u xi darba tasal. Għalija din diġà hija ħolma li saret realtà”, temm il-fotografu Malti.