Saturday, April 27, 2024

Cutajar tisħaq dwar l-importanza li nħarsu s-saħħa mentali u twissi dwar id-detriment tal-użu tal-midja soċjali

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien li verament nevalwaw u nindirizzaw l-effetti detrimentali tal-użu tal-midja soċjali fuq is-saħħa mentali tagħna.” Hekk saħqet il-MPE Josianne Cutajar waqt diskussjoni organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta aktar kmieni din il-ġimgħa.

Fl-istess dibattitu, Dr Cutajar li hi wkoll membru tal-Alleanza tal-Membri Parlamentari Ewropej għas-Saħħa Mentali, irreferiet għall-ħidma li qed twettaq fil-Parlament Ewropew sabiex jiġu regolati l-effetti negattivi u l-abbużi fil-qasam diġitali. Filwaqt li irreferiet għall-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali bħala żewġ liġijiet li jmorru fid-direzzjoni t-tajba, il-MPE enfasizzat il-ħtieġa t’aktar ħidma.

Hi rrimarkat li b’mod speċifiku rridu nindirizzaw il-mod kif il-midja soċjali hi intrinsikament iddisinjata biex inkunu dipendenti fuqha; xi ħaġa li qed tisfrutta l-vulnerabilità psikoloġika ta’ min jużaha, għall-gwadann finanzjarju. “Huwa magħruf sew li l-użu vizzjuż tal-midja soċjali jista’ jkollu effetti ħżiena, bħal żieda fl-istress, jew saħansitra dipressjoni u ansjetà u għalhekk hemm bżonn li din ir-realtà tiġi indirizzata b’mod effettiv,” qalet Cutajar.

Matul din il-ġimgħa, Dr Josianne Cutajar ingħaqdet ukoll mal-maġġoranza l-kbira tal-kollegi tagħha fl-approvazzjoni ta’ żewġ rapporti importanti fil-plenarja: wieħed li jirrigwardja d-disinn vizzjuż tas-servizzi online, kif ukoll rapport ieħor dwar il-bżonn ta’ strateġija ħolistika fejn tidħol is-saħħa mentali tagħna, li wkoll jirreferi għar-riskji tal-medja soċjali inkluż is-cyberbullying fuq it-tfal. “Ejja naċċertaw li dawn ir-rapporti jwasslu għal aktar azzjoni effettiva li tiżgura ambjent san onlajn, ambjent li jħares il-benesseri taċ-ċittadini,” innotat il-MPE.

B’rabta mal-avvenimenti ta’ din il-ġimgħa, Dr Cutajar irrimarkat li “l-isforz kollettiv biex titqajjem kuxjenza dwar l-użu responsabbli tal-midja soċjali fost iż-żgħażagħ u t-tfal tagħna, iżda wkoll fost l-adulti, jibqa’ importanti daqs l-isforz tagħna biex inżommu l-kumpaniji l-kbar tat-teknoloġija responsabbli għall-prodotti li jqiegħdu fis-suq. Ejja naħdmu id f’id biex naraw li nindirizzaw u nirregolaw ir-riskji, filwaqt li niffukaw fuq il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni bħala għodda pożittiva għaċ-ċittadini tagħna.”

Sport