Wednesday, April 24, 2024

GĦALIEX EŻENTI?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Nifhem għaliex il-gvern iqis li għamel rebħa meta ġab eżenzjoni għal Malta milli ssegwi l-miżura meħuda fuq livell Ewropew biex il-konsum tal-elettriku jitnaqqas b’5 fil-mija nazzjonalment meta jilħaq l-aqwa livell tiegħu.

Min-naħa l-oħra m’inix nifhem għal kollox għaliex ridna din l-eżenzjoni. Fiż-żminijiet li għaddejjin minnhom, il-probabbiltà hi kbira li tista’ titwal il-kriżi fil-provista tal-enerġija fl-Ewropa u barra minnha. Fost il-prekawzjonijiet li pajjiż jista’ jieħu hemm li jara kif irażżan il-konsum ta’ enerġija mingħajr ma jqagħbar l-andament ekonomiku u soċjali fil-pajjiż.

Tnaqqis ta’ 5 fil-mija kien iqagħbar daqstant il-qagħda ta’ pajjiżna? Is-sinjal mogħti li qisu ma hemm l-ebda kriżi, għandu kull probabbiltà li jinkoraġġixxi aktar konsum.

MHUX DISKORS TA’ MIBEGĦDA 

Persuna mhux aktar żagħżugħa, b’fehmiet anti-klerikali kompliet iżżid fl-istmerrija tagħha lejn il-qassisin ta’ kull kult wara li ħarġu fatti skandalużi dwar abbużi sesswali, speċjalment fuq tfal. Il-biċċa l-kbira twettqu minn qassisin, mlaħħqa u mhumiex, f’istituzzjonijiet immexxija mill-kleru. Dal-proxxmu kiteb fuq facebook kif hemm probabbiltà kbira li jekk tkun qassis, tispiċċa ipposedut mix-xitan. Anzi, wissa, li jkollok tilbes kullar jew suttana ta’ qassis  hu agħar milli tkun ippossedut mix-xitan.

Terġa’ f’kumment ieħor, taħt ritratt ta’ xi kardinal jew isqof ħiereġ mill-qorti fejn kien għadu kemm ġie sentenzjat fuq abbuzi sesswali, dan l-antiklerikali kiteb li l-kjeriku misjub ħati appuntu kien liebes qisu qed iħalli konsistorju ta’ kardinali.

F’Malta, l-ebda ilment ma jista’ jitressaq dwar stqarrijiet bħal dawn. Ma jistgħux jitqiesu diskors li jqanqal mibegħda, anke jekk nieqsa minn prudenza. Żgur li ma jkunux saru b’malizzja. 

PROTESTA NAZZJONALI

Li ġej hu kumment tekniku, mhux politiku. Partit (politiku) – imma anke unjin jew xi għaqda mhux governattiva – ma jistax jippretendi li protesta nazzjonali se titlaq mill-art u tieħu. Sakemm, m’hemmx għalfejn ngħidu, ma tkunx kwistjoni splussiva li tinqala’ f’daqqa u timmobilizza f’vampa l-ansjetà jew ir-rabja popolari. Rari jinqalgħu kwistjonijiet hekk.

Anke dwar l-għoli tal-ħajja – suġġett li jqanqal inkwiet wiesa’ – il-mobilizzazzjoni popolari trid tissajjar b’diversi modi, minn ħafna kanali, u b’aspettattiva li trid tiġi megħjuna żżid fil-ħerqa b’sejħiet magħmula b’impenn, mifruxa ma’ oqsma differenti. Ma rajtx dan jiġri fl-eżerċizzju tal-PN għal protesta nazzjonali dwar l-għoli tal-ħajja l-Ħadd li għadda.

Din hi ħaġa stramba għax il-PN fis-snin li kont insegwih mill-qrib, kien żviluppa b’mod intelliġenti ħafna l-mekkaniżmi soċjali u politiċi li bihom timmobilizza liċ-ċittadini, mhux l-anqas għal protesti jew manifestazzjonijiet ta’ skala nazzjonali. Jista’ jkun li l-PN tilef għal kollox is-snajja organizzattivi li kellu fl-imgħoddi?

Sport