Sunday, November 10, 2024

“Għaliex ħaduha minni? … tħares lejja qisha qed tistenna tweġiba … stajt biss ngħannaqha”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa kmieni wara nofsinhar, f’żona f’Aghios Loukas fi Kreta kien hemm skiet. Diversi persuni marru jagħtu l-aħħar tislima lil Loujin li kellha 4 snin u li mietet bil-għatx fi vjaġġ fil-Mediterran. Vjaġġ li diversi jiem minnu kienu fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija. Vjaġġ li minkejja li ntalbet l-għajnuna, is-sitwazzjoni kienet li għal diversi jiem baqgħu fil-baħar. 

F’dak is-skiet, instemgħet karba kontinwa. Kienet il-karba’ ta’ omm Naujin. Tolfoq u tibki. Beda jinstema l-kliem ‘għaliex ħaduha minni?  Għaliex? Għaliex?”.

Fl-aħħar sigħat talk.mt tkellmet għal diversi drabi ma’ Nawal, persuna li ppruvat tgħin kemm tista’ lil dawk abbord id-dgħajsa. Għamlet minn kollox għal diversi jiem biex forsi tasal l-għajnuna. Sa mis-Sibt wara nofsihar tat-3 ta’ Settembru kienu għaddejja b’ħidma biex tinforma lid-d-dgħajsa tinsab f’diffikulta.  Sat-Tnejn filgħaxija dawn is-60 immigrant kienu għadhom hemm f’nofs ta’ baħar. Bla ikel u bla ikel. Jixorbu l-ilma baħar biex jaqtgħu l-għatx.

Tkellmet ma’ dan is-sit u saħqet fuq l-importanza li tqum kuxjenza dwar dak li għaddej fil-Mediterran.

Hi kienet ukoll preżenti għall-funeral ta’ Loujin. Fi kliemha stess, kien hemm dieqa liema bħalha. Dawk abbord l-istess dgħajsa kienu hemm preżenti. Ħadd ma jlissen kelma.

Nawal tiddikjara li “ipparteċipajt fil-ħasil tal-ġisem. Ħsilna dak il-ġisem ċkejken, issa abjad daqs it-tebut ċkejken.  U waqt li qed isir dan, niftakar fl-Ewropa – din għandha tara li  taħsel il-kuxjenza tagħha. Is-sapun fuq idejha, ​​is-sapun fuq saqajha ċkejkna, ix-shampoo fuq xagħarha. Dawn huma l-affarijiet kollha li l-mexxejja Ewropej għandhom jaraw.”

Titkellem fuq id-dehra ta’ omm Loujin. “L-omm kienet qed titrieġħed. B’għajnejha mimlija dmugħ. Baqgħet tgħid “għaliex ħaduha minni, għaliex ħaduha minni, għaliex .. għaliex” . Tkompli tgħid “u ħarset lejja tfittex tweġiba, li qatt ma waslet. Kull ma stajt nagħmel f’dak il-mument hu li  ngħannaqha sewwa u nibki magħha.

Waqt dan l-uġiegħ kollu u l-biki, naraw it-tbissima sinċiera taċ-ċkejkna Mira. Din hi oħt Loujin li ukoll kienet fil-periklu li titlef ħajjitha.  Għaliha ommha ppruvat twieġeb billi tat ħjiel ta’ tbissima sfurzata biex isserraħha.”

Nawal tikkummenta li “dfinna wkoll tifel ieħor. Il-fetu ta’ tminn xhur. Omm kienet qed iżżomm il-krozzi, instabbli fuq sieqha miksura.”

Sport