Minn Cristian Muscat
Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?
Minn dejjem kont inħobb l-isport minn etá żgħira u meta kont l-iskola kont dejjem nieħu sehem f’attivitajiet tal-isport (bħal ‘Sports Day’). Kont inħobb id-distanzi qosra bħal 100 metru jew 200 metru imma dejjem kont nibża’ minn distanzi twal. Mur għidli dak iż-żmien li kont ħa niġri Maratona (42.2km)! Ħames snin ilu, bdejt niddedika ftit ħin fil-ġimgħa għall-ġiri u bdejt nittrenja biex niġri distanzi twal. Mhux faċli ssib il-ħin meta jkollok familja x’tieħu ħsieb, imma qatt ma qtajt qalbi u komplejt għaddejja sakemm ħadt sehem fl-ewwel tellieqa tiegħi li kienet ta’ 10km organizzata minn Pembroke Atleta. Tant ħadt gost li minn dakinhar bqajt nittrenja sal-lum il-ġurnata.
X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?
Dejjem xtaqt nagħmel xi ħaġa sabiex ikolli ftit ħin għalija waħdi u ninsa ftit mill-problemi ta’ kuljum. Kif ukoll bdejt niġri biex nieħu ħsieb saħħti għax hija ħaġa ferm sabiħa li żżomm ruħek attiva. Qabel kont naħdem full-time allura kienet aktar diffiċli u t-tfal kienu żgħar imma issa li kibru allura għandi aktar ċans nittrenja għax għandi s-sapport tagħhom ukoll. Vantaġġ ieħor li kompla jinkoraġġieni bis-sħiħ biex inkompli nittrenja huwa r-raġel tiegħi għaliex jipprattika wkoll l-istess sport allura nissapportjaw lil xulxin.
Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?
Ma naħsibx li kien hemm xi ħadd partikolari imma bħalma semmejt diġá, ir-raġel beda jiġri sena qabli u kont nieħu gost nisimgħu meta jiġi lura minn xi ġirja u jgħidli kemm għamel kilometri. Għall-ewwel ma kontx nemmnu u kont ngħidlu: “mhux veru li tiġri għaxar kilometri u ma tiqafx timxi’’. Hu kien jirrispondini: ‘’Nieqaf nimxi? Ibda trenja u tkun taf!’’. Minn hemm bdejt inżid il-kilometri fit-taħriġ u bdejt nieħu sehem fit-tlielaq. Bdejt nieħu kollox bis-serjetá tant li ngħaqadt mal-Ladies Running Club kif ukoll sibt il-kowċ li beda jiggwidani fit-taħriġ.
F’dawn l-aħħar tliet snin ingħaqadt mal-Mellieħa AC u anke l-kowċ Nick Anderson, fejn komplejt nitjieb f’dan l-isport li tant inħobb.
Liema unuri maġġuri, irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek sa issa?
Bħala unuri ksibt mhux ħazin dejjem fil-kategorija ta’ etá tiegħi, avolja llum il-ġurnata hemm ħafna atleti nisa tajbin u l-kompetizzjoni hija difficli iżjed. Minkejja dan, imma għalija li nibda u nispiċċa t-tellieqa tkun diġá unur, irrelevanti l-ħin. Iżda huwa wkoll unur li tkun apprezzat ħafna speċjalment wara xhur ta’ taħriġ. Fortunatament, meta titla’ fuq il-podju tħossok tajba u f’qalbek tgħid: ‘’Dak it-taħriġ kollu jiswa’ għal xi ħaġa’’. Unur li jibqa’ għal qalbi huwa fil-Malta Challenge li ssir f’Novembru u din tkun tellieqa fuq tlitt ijiem b’total ta’ 42 kilometru. Hemmhekk kont ħadt trofew 2nd female team ma’ żewġ nisa oħra mill-klabb tiegħi.
Bhalissa qed niġri aktar distanzi twal ta’ nofs maratona ta’ 21km u maratona ta’ 42km. Fil-21 ta’ April li għadda ġrejt il-ħames maratona tiegħi ġewwa Boston fl-Istati Uniti – il-Boston Marathon. Din hija waħda mill-maratoni l-kbar fid-dinja u diffiċli wkoll imma rnexxieli nagħmel ħin tajjeb ukoll.
Maratoni l-oħra huma Barcelona, Amsterdam, Rotterdam u Londra, fejn f’kollha għamilt ħin tajjeb. Ħadt sehem ukoll fin-nofs maratoni barra minn Malta fostom dawk ta’ Londra, Berlin, Ruma, Valencia, Cambridge, Hackney u Amsterdam.
Liema kien l-aħjar ħin tiegħek s’ issa?
Bħala ħinijiet tajbin f’dawn l-aħħar sentejn fil-5km ksibt il-ħin ta’ 21 minuta u 30 seconda u fl-10km għamilt ħin tajjeb ta’ 46 minuta u 10 sekondi wara li domt sena biex inniżżel erba’ minuti. Fin-nofs maratona ta’ Malta għamilt ħin tajjeb ta’ siegha u 45 minuta din is-sena u għamilt ħin tajjeb ġewwa Valencia ta’ siegħa u 39 minuta, imma kważi f’kollha għamilt ħin dejjem aħjar minn kull waħda.
Ix-xewqa tiegħi dejjem xtaqt niġri l-Maratona ta’ Londra u dik ta’ Boston u rnexxieli. Sodisfazzjon kbir għax apparti l-atmosfera u li tiġri ġewwa Londra li din il-ġirja għamiltha għall-karitá, għal tfal morda bil-kanċer, ġbart ħafna donazzjonijiet u għalhekk tkun aktar ta’ sodisfazjon li int qed tbati ftit waqt il-ġirja meta dawn it-tfal u l-familji ikunu qed ibatu għal snin twal imbagħad irnexxieli nikkwalifika għall-Marsatona ta’ Boston, u l-ħolma saret realtá, post inkredibbli u atmosfera tal-ġenn, għalkemm hija rotta diffiċli, spiċċajt f’ħin tajjeb u ħadt gost ukoll.
Il-media tal-isport f’pajjiżna tagħtikom biżżejjed pubbliċitá u ‘exposure’ jew tagħmel dan biss waqt kompetizzjonijiet importnati bħal m’huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?
Sfortunatamnet le, mhux kemm suppost. Nemmen li għandna atleti tajbin li kisbu ħafna unuri barra minn pajjiżna u anke lokalment u qatt ma jissemmew. Kif ukoll għalfejn m’għandux ikun hawn programmi li jkunu biss fuq l-atletika? Sfortunatament, il-futbol f’Malta jieħu importanza. Anke l-filmati li jintwerew fil-ħin tal-aħbarijiet tal-isport huma ftit. Naħseb li trid issir xi ħaġa biex nagħtu aktar importanza lil dan l-isport f’pajjiżna, għax għandna tfal li qed jinvestu ħafna ħin fih u jistgħu ikomplu jagħmlu unuri kbar kif qegħdin jiksbu bħalissa.
Għandek xi ħolma li tixtieq li tikseb fl-atletika?
Ħolma oħra hi ltiegġi hi dik li nagħmel erba’ maratoni oħra li jagħmlu parti minn Abbott Marathon Stars. Nispera li nkun b’saħħti biżżejjed u jirnexxieli nagħmel dan. Dawn huma Chicago, New York City, Tokjo u Berlin.
Imma xi ħaġa li dejjem xtaqt nagħmel hija paġna għall-atleti fuq il-mezzi soċjali, u rnexxieli nagħmel dan waqat il-perjodu tal-Covid-19. Ħloqt paġna jisimha ‘I am a runner’, u bdejt inħeġġeġ atleti joħorġu jiġru waqt il-pandemija u din kienet ta’ motivazjoni għal min kien qata’ qalbu u għamlet suċċess fejn preżentement hemm aktar minn elfejn membru. Organizzajt ukoll tlielaq virtwali għall- karitá, fosthom għal Puttinu Cares u Dar Bjorn, li kienu ta’ suċċess.
Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ ukoll li tidħol ċerta sens ta’ kompetizjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.
Ifhem, jien niġri għalija u niġġieled miegħi nnifsi biex nikseb l-aħjar ħin possibli, għax wara dak it-taħriġ kollu tkun trid riżultat tajjeb u ħafna atleti jaħsbu u jagħmlu bħali wkoll. Aħna familja waħda tal-atleti li ngħinu lil xulxin fil-mumenti koroh u anke dawk sbieħ. Il-pika mhix sabiħa u meta din tidħol bejn il-ħbieb, ma jibqax sabiħ l-isport.
X’kompetizzjonjieti prinċipali se tkun qed tieħu sehem fihom fil-futur qrib?
Bħalma semmejt diġá, għandi nofs maratona u maratona ppjanati wara s-sajf li ġej. Nispera li kollox imur sew!
Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u ż-zgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetá li jibdew jipprattikaw l-atletika.
Jien ngħidilhom biex ma jaqtgħux qalbhom għax bilmod il-mod jaslu. Jien nara mit-tifel tiegħi, fejn dak il-ħin tat-taħriġ ikun qed jistennieh b’ħerqa kbira. Saħħtek poġġiha l-ewwel, allura ħu ħsieb u dan ngħidu wkoll lin-nisa u l-irġiel li huma ikbar fl-etá. Jekk iħossu li jridu jibdew dan l-isport, qatt m’ huwa tard! Dejjem emmen fik innifsek u jirnexxilek tasal żgur!