Tuesday, May 14, 2024

“Għalina Dott. Calvagna għadu ħaj f’dawn il-pazjenti”

SETTEMBRU: IX-XAHAR IDDEDIKAT LIT-TFAL MORDA BIL-KANĊER

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Settembru huwa x-xahar iddedikat għat-tfal morda bil-kanċer. Proprju din is-sena pajjiżna tilef kolonna fil-qasam tal-onkoloġija tat-tfal – Dott. Victor Calvagna. Dan il-konsulent bravu li kien anke l-President ta’ Puttinu Cares, żgur li se jibqa’ mfakkar u maħbub għax-xogħol kbir u siewi li għamel tul ħajtu. Għaldaqstant, ma setax jonqos li f’dan ix-xahar talk.mt ifakkar lil Dott. Calvagna fejn tkellimna mas-suċċessur tiegħu bħala l-President ġdid ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri. Filwaqt li Cuschieri kkonfermat kemm jinħass bil-kbir in-nuqqas ta’ Dott. Calvagna, hija qaltilna li fuq il-passi u żgur skont ix-xewqa tiegħu, il-ħidma u s-sostenn għal dawn it-tfal morda bil-kanċer u l-familji tagħhom tkompli, liema ħidma tissaħħaħ b’aktar għarfien dwar it-tbatijiet li jgħaddu minnhom, b’mod speċjali l-aħwa tal-pazjenti.

“Mingħajr Dott. Calvagna dejjem se tkun iebsa għax kien il-punt ta’ riferiment tagħna. Dejjem se nħossu n-nuqqas tiegħu. Kull meta jkun hemm tfal li jiġu djanjostikati bil-marda bil-kanċer dejjem niftakru fih u nimmaġinaw kif kieku kien jaġixxi għal ħidma bla qatigħ ħalli nduru bil-pazjent bl-aħjar mod possibbli. Għalina Dott. Calvagna għadu ħaj f’dawn il-pazjenti. Fl-istess ħin, aħna qegħdin nagħmlu l-almu tagħna ħalli nkomplu naqdu lill-pazjenti kif jixirqilhom u nagħtuhom id-dinjità tagħhom,” bdiet tispjega Cuschieri. 

Mistoqsija kif tħossha issa li “libset iż-żarbun” ta’ Dott. Calvagna, b’umiltà Angele qalet li hija tħoss li qatt ma tista’ tilbes iż-żarbun tiegħu imma hija onorata ferm bir-rwol li ngħatat u qiegħda tagħmel ħilitha kollha biex it-tfal milquta u l-familji tagħhom jingħataw dak kollu li għandhom bżonn. 

Kampanja ta’ għarfien

F’dan ix-xahar Puttinu Cares juża ħafna s-servizzi tal-midja soċjali bil-għan li jqajjem aktar għarfien dwar it-tbatijiet li jgħaddu minnhom il-pazjenti morda bil-kanċer u l-familji tagħhom. Cuschieri qaltilna li, “il-kampanja hija mmirata biex dak li jkun jaħseb iżjed f’dawn it-tfal u fil-bqija tal-familja”. 

Hija spjegat li meta xi ħadd ikun djanjostikat, huma jisimgħu t-tbatija tal-familja kollha għax, fil-verità, kulħadd jiġi affettwat mill-marda tal-kanċer u dan b’mod speċjali l-aħwa tal-pazjenti tal-kanċer. “Lill-aħwa nippruvaw nagħtu kashom ħafna għax nafu kemm ibatu minn effetti negattivi fit-tul anke wara li jfiequ t-tfal. L-aħwa, imsieken, jibqgħu jbatu psikoloġikament għax ovvjament l-attenzjoni ddur fuq it-tfal morda bil-kanċer. L-almu tagħna huwa li nqajjmu għarfien li anke l-aħwa jkunu qegħdin ibatu. Anzi, psikoloġikament, dawn jistgħu jbatu iżjed mit-tfal li jkunu affettwati mill-kanċer,” kompliet il-President ta’ Puttinu Cares.

“It-tfal morda bil-kanċer u l-familji tagħhom għandhom bżonn is-sostenn il-ħin kollu u mhux biss fil-bidu sakemm bniedem jieħu x-xokk tal-aħbar”

ANGELE CUSCHIERI

Cuschieri min-naħa tagħha appellat biex in-nies ikomplu jagħtu s-sostenn tagħhom lil dawn il-familji, liema sostenn ma jkunx biss fil-bidu meta tingħata d-djanjosi. Hija qalet li, “is-sostenn fil-bidu, b’mod speċjali fl-ewwel xahar, ikun massiv imma mbagħad il-bniedem qisu jidhraha. Però, it-tbatija għal dawn il-familji tibqa’ għaddejja x-xhur u anke s-snin. Kemm it-tfal, kif ukoll l-adulti affetwati bil-kanċer, jgħaddu minn perjodu ta’ tbatija anke minħabba t-trattamenti li jkollhom bżonn. Hemm bżonn li s-sostenn jingħata għat-tul kollu tat-trattament. Jekk it-trattament ikun twil tliet snin, il-bniedem ikollu bżonn is-sostenn għal dawk it-tliet snin kollha”. 

Parti minn dik it-tbissima…

Ta’ kull sena f’Malta jkollna madwar 15-il każ ġdid ta’ kanċer fost it-tfal bl-aktar komuni jkun dak tal-lewkimja segwit minn dak fil-moħħ. Ma’ dawn il-każijiet ġodda fis-sena, Cuschieri semmiet il-każijiet ta’ qabel, fosthom dawk morda bil-lewkimja, li t-terapija tagħhom iddum bejn sentejn u tliet snin. Għaldaqstant, dawn il-pazjenti jkunu jeħtieġu li jibqgħu jkunu segwiti tul il-kura kollha tagħhom. 

Min-naħa l-oħra, aspett pożittiv ħafna huwa dak li r-rata ta’ suċċess f’dawn il-każijiet, lokalment hija waħda għolja ħafna. Fil-fatt, 80% tat-tfal morda bil-kanċer, ifiequ.

Waħda mill-isbaħ sensazzjonijiet għal Angele Cuschieri u l-kollegi tagħha f’din il-ħidma tant nobbli u bżonnjuża, hija proprju dik li jħossu meta t-tfal morda bil-kanċer, ifiequ. “Għalina dik hija l-akbar suċċess. Waħda mill-akbar sodisfazzjonijiet hija li naraw it-tbissima fuq l-uċuħ ta’ dawn it-tfal u li tkun taf li inti tkun parti minn dik it-tbissima,” temmet il-President ġdid ta’ Puttinu Cares. 

Sport