Sunday, May 5, 2024

“Irridu naraw Libja b’saħħitha u li tgħix fil-prosperità”

Il-Ministru Ian Borg

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Matul il-laqgħat li kellna, il-messaġġ kien wieħed, dak li se nibqgħu leali lejn il-poplu Libjan, però huwa essenzjali li l-Libjani jsibu soluzzjoni huma stess permezz ta’ elezzjonijiet demokratiċi u li jkunu rispettati.” 

Qal dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg f’kummenti li għadda lil dan is-sit dwar iż-żjara li għamel f’pajjiżna il-Prim Ministru tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali Libjan Abdul Hamid Dbeibah.

Il-Ministru Borg beda biex qal li żjara mill-Prim Ministru Libjan f’pajjiżna hi dejjem waħda sinjifikanti anke minħabba l-istorja li ż-żewġ pajjiżi jaqsmu flimkien. Tenna li: “se nkomplu naraw kif nibqgħu nsaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi u aktar minn hekk naraw li nikkoperaw f’setturi differenti.”  

Finalment, il-Ministru Borg qal li bħala pajjiż irridu naraw Libja b’saħħitha u li tgħix fil-prosperità. Dan l-istess sentiment kien espress mill-Prim Ministru Robert Abela li waqt il-laqgħat mal-PM Libjan qal li: “se nkomplu nitkellmu favur il-paċi u d-djalogu biex il-kunflitti jissolvew b’mod paċifiku.”

Il-PM Abela esprima l-fehma tiegħu li l-futur tal-poplu Libjan u s-soluzzjonijiet li għandhom jinstabu, jista’ jsibhom il-poplu Libjan innifsu, mingħajr ebda influwenza esterna. Qal li l-Libja se tkompli ssib lil Malta timbotta ‘l quddiem il-kawża tal-Libja hekk kif Malta se tpoġġi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. 

Matul il-laqgħat li kellhom, iż-żewġ delegazzjonijiet identifikaw oqsma komuni għaż-żewġ pajjiżi li fuqhom tista’ ssir iktar kollaborazzjoni. Ewlenin fosthom il-politika dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-edukazzjoni u s-saħħa, fost l-oħrajn. Dawn il-koperazzjonijiet bilaterali jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet tajbin li dejjem kellhom iż-żewġ pajjiżi.

Intant, l-Erbgħa filgħaxija, il-President ta’ Malta George Vella laqa’ lill-PM Libjan fil-Palazz ta’ San Anton. Il-Prim Ministru Dbeibeh enfasizza l-apprezzament tal-poplu Libjan għall-ħbiberija li Malta wriet lil pajjiżu. Fakkar ukoll il-kuntatti b’saħħithom ħafna fil-qasam kummerċjali u bejn il-popli li żviluppaw tul is-snin. 

Il-President Vella esprima dispjaċir għall-kunflitti vjolenti reċenti li wasslu għat-telfien ta’ ħajjiet u esprima t-tama tiegħu li jiġi implimentat proċess demokratiku, fuq kollox permezz taż-żamma ta’ elezzjonijiet. Tenna t-tama tiegħu li jipprevalu d-djalogu u l-istabbiltà fl-interess tal-poplu tal-Libja u tal-istabbiltà fir-reġjun usa’.

Sport