Wednesday, March 27, 2024

“Għalkemm għadna fl-ewwel xhur, il-ġugaturi jidhru favur it-tibdil li għamilna”

National Lottery plc l-ewwel kumpanija b’investiment kompletament Malti liċenzjata biex topera l-Lotterija Nazzjonali

Aqra wkoll

Ftit tax-xhur ilu, il-kumpanija Maltco Lotteries ċediet postha lill-operaturi l-ġodda li fost l-ewwel tibdiliet wettqu ristrutturar tal-logħob offrut. Dan is-sit tkellem mal-uffiċċju għall-komunikazzjoni tal-operaturi l-ġodda fejn fost l-oħrajn staqsejna minn fejn beda l-ħsieb li jidħlu għal din ir-responsabbiltà.

L-idea li jinvolvu ruħhom fl-operat tal-Lotterija Nazzjonali oriġinat aktar minn għaxar snin ilu meta f’dak iż-żmien il-Grupp kien issieħeb ma’ International Gaming Technology (IGT) sabiex jissottometti l-offerta tiegħu għall-konċessjoni tal-2012. Minkejja li f’dik l-eventwalità ma kienx irnexxielhom jerbħu d-dritt li joperaw l-Lotterija Nazzjonali, matul is-snin il-Grupp baqa’ ffukat fuq dan il-proġett. Intensifikaw l-ħidma tagħhom li waslet sabiex National Lottery plc issir l-ewwel kumpanija b’investiment kompletament Malti, li ngħatat liċenzja mill-MGA sabiex topera l-Lotterija Nazzjonali wara li intemm l-proċess imexxi mill-Privatisation Unit fi ħdan il-Gvern Malti li identifika lil din il-kumpanija bħala l-offerent magħżul sabiex jopera il-Lotterija Nazzjonali ta’ Malta.

Ristrutturar bbażat fuq l-logħob tradizzjonali li jħobbu l-Maltin

Bħala l-ewwel operatur tal-Lotterija Nazzjonali li huwa kompletament Malti, National Lottery plc riedet tpoġġi fis-suq portafoll ta’ logħob komprensiv li qed jiġi offrut permezz ta’ teknoloġija mill-aktar avvanzata u bbażżat fuq l-logħob tradizzjonali li jħobbu l-Maltin, fil-format li jixtiquh il-ġugaturi lokali. 

Il-kumpanija spjegat ma’ dan is-sit li għalhekk inħasset il-ħtieġa li jissaħħaħ il-logħob tradizzjonali tal-Lottu u s-Super5 filwaqt li ġew introdotti logħob ġdid bħal Super5-4-3-2-1, Pick3 u FastKeno.  Illum il-ġurnata l-logħba popolari tas-Super5 tinkorpora tliet logħbiet li jinkludu s-Super5, Super5 Plus u s-Super5-4-3-2-1. Hekk kif inhi magħrufa tradizzjonalment, permezz tas-Super5, ġugaturi lokali jistgħu jittantaw xortihom ta’ kull nhar ta’ Erbgħa sabiex jirbħu jackpot fantastiku li issa qed jibda minn €250,000 kif ukoll premjijiet sekondarji meta jaqtgħu b’erbgħa (4) jew tliet (3) numri. National Lottery plc żiedet wkoll iċ-ċans ta’ rebħ hekk kif issa l-ġugaturi jistgħu jagħżlu li jipparteċipaw bl-istess numri tas-Super5 fit-tieni tlugħ abbinat mal-logħba tas-Super5 Plus u jidħlu fiċ-ċans jirbħu premjijiet attraenti jekk huma jaqtgħu ħames (5), erba’ (4) jew tliet (3) numri. Barra minn hekk, l-operatur il-ġdid tejjeb b’mod sostanzjali l-logħba tal-Ambo on Super5 li issa ġiet introdotta mill-ġdid taħt l-isem ta’ Super5-4-3-2-1. Simili għall-format tal-logħba tal-Lottu, permezz ta’ din il-logħba l-gugaturi issa għandhom il-flessibilità li jilagħbu l-ammont ta’ numri li jixtiequ bejn numru wieħed (1) u erba’ (4) numri u jirbħu premjijiet fissi jekk iqqablu l-istess ammont ta’ numri li jkunu lagħabu man-numri li jitilgħu fit-tlugħ tas-Super5. 

Dan it-titjib ma sarx biss fil-logħba rinomata tas-Super5 iżda wkoll fil-logħba tradizzjonali tal-Lottu. Apparti li din il-logħba issa saret aktar aċċessibbli għall-ġugaturi grazzi għall-introduzzjoni tat-tieni tlugħ li jsir kull nhar ta’ Tlieta, l-Lottu issa qed joffri l-ogħla premjijiet li qatt ġew offruti hekk kif issa il-Prima saret tħallas €70 għal kull ewro milgħub, l-Ambo €250 għal kull ewro milgħub u t-Terno €4,000 għal kull ewro milgħub. Barra minn hekk, biex ġugatur issa jirbaħ il-Quaterno, irid iqabbel biss erba’ (4) minn ħames (5) numri li jitilgħu u l-jackpot m’għadux jibda minn €250,000 iżda qed jiġi offrut fil-forma ta’ jackpot fiss ta’ nofs miljun ewro (€500,000) f’kull tlugħ. National Lottery plc neħħiet il-prassi tal-capping li kienet adottata mill-operatur preċedenti u għalhekk issa l-premjijiet marbuta mal-Lottu qed jitħallsu dejjem sħaħ mingħajr ma jsir ebda tnaqqis.

 Filwaqt li l-logħba tal FastKeno ħadet post il-logħba tal-Keno li kienet offruta fis-suq fil-passat, il-logħba tal-Pick3 hija logħba ġdida u sempliċi biex wieħed jilgħab u jirbaħ. Magħrufa fuq livell internazzjonali bħala ‘a digit game’ din il-logħba tikkonsisti fi tliet numri li jvarjaw miż-żero (0) sad-disgħa (9) li jitilgħu f’kull tlugħ. Il-ġugatur jirbaħ jekk jaqta’ t-tliet (3) numri li jitilgħu fl-ordni eżatta jew fi kwalunkwe ordni.

Rispons pożittiv għal dan l-istrutturar għalkemm għadu kmieni biex tikkumpara l-bejgħ

Staqsejna lill-kumpanija rigward il-bejgħ u jekk il-ġugaturi humiex japprezzaw dan it-tibdil. Fit-tweġiba tagħha, il-kumpanija qalet li minħabba l-fatt li l-operat ta’ National Lottery plc għadu fl-ewwel tliet xhur tiegħu, huwa kemmxejn kmieni li wieħed jikkummenta fuq statistika ta’ bejgħ. Minkejja dan b’sodisfazzjon innotaw li r-rispons pożittiv tal-ġugaturi lokali għal dawn il-bidliet kien immedjat u n-numri li qed jaraw huma mill-aktar inkoraġġanti. Ikkonfermat magħna li għad ta’ rebbieħa rrimarkaw li t-tibdiliet mwettqa minn National Lottery plc waslu għall-probabbiltà aħjar ta’ rebħ.

“Dan it-titijib li qed jirriżulta wkoll fi frekwenza aħjar ta’ rebħ kien fost l-elementi primarji li l-kumpanija riedet tinkludi fil-portafoll tal-logħob tagħha għall-benefiċju tal-ġugaturi lokali u li implimentat b’mod għaqli sabiex fl-istess ħin ma jimpattax id-dħul stimat tagħha”, kompliet tgħid ma’ talk.mt.

Xi pjanijiet hemm għall-futur?

Mistoqsija dwar dak li hemm għall-futur u jekk hemmx ħsieb li jiġu introdotti logħbiet ġodda, il-kumpanija qalet li d-data tal-5 ta’ Lulju tal-2022 tikkommemora biss il-bidu ta’ era ġdida għall-qasam tal-lotteriji f’pajjiżna. National Lottery plc hija kommessa li toffri l-aqwa servizz lill-ġugaturi lokali u għaldaqstant ix-xhur u s-snin li ġejjin se jkunu kkaratterizzati minn titjib ulterjuri kemm fuq livell ta’ esperjenza ta’ xiri ta’ dawn il-prodotti u mmodernizzar tan-network kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ diversi logħob ġdid.

Ekonomija

Sport