Thursday, April 25, 2024

Kif għandek tixtri online b’mod sigur? 

Roderick Aquilina - Ko-ordinatur ECC Malta

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin, sar iktar poplari mal-konsumaturi li jagħmlu x-xiri tagħhom online, kemm jekk ikunu ser jixtru rigal, kif ukoll xi prodott jew servizz għall-użu personali tagħhom. Għalkemm ix-xiri online huwa konvenjenti ħafna, huwa għaqli li wieħed jaqra l-punti li ser insemmu f’dan l-artiklu u jsegwihom qabel ma jkun ser jagħmel ix-xiri tiegħu online, speċjalment jekk qatt ma jkun akkwista qabel xi prodott jew servizz mingħand il-bejjiegħ online.

L-ewwel nett huwa importanti li tiċċekkja l-informazzjoni kollha disponibbli dwar il-bejjiegħ qabel ma tikkonkludi x-xiri tiegħek. Iċċekja li għandek l-isem u d-dettalji kollha tal-bejjiegħ bħal fejn hu bbażat il-bejjiegħ, kif ukoll l-indirizz postali biex tkun tista’ tikkuntattjah f’każ ta’ problema. Żomm f’moħħok li ħafna mid-drittijiet tiegħek jiddependu skont jekk il-bejjiegħ huwiex rreġistrat fl-Ewropa jew le. Jista’ jagħti l-każ li ċertu siti jkunu jidhru li huma fl-Ewropa, però meta wieħed jifli sew is-sit jinduna li l-bejjiegħ ikun ibbażat f’xi pajjiż barra mill-Ewropa.

Skont ir-Regolamenti dwar Id-drittijiet tal-Konsumatur li jirregolaw ix-xiri online, il-bejjiegħa għandhom l-obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar:

  • Il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott jew servizz; 
  • Il-prezz totali, inkluż taxxi u miżati; 
  • L-ispejjeż marbuta mal-kunsinja tal-prodott, 
  • Id-data stmata ta’ meta għandu jasal il-prodott; u 
  • Kif ukoll il-metodu tal-pustaġġ użat. 

Jekk ser tixtri mingħand bejjiegħ online għall-ewwel darba, fittex ‘reviews’ li jkunu ħallew konsumaturi li jkunu diġa’ xtraw xi prodotti jew servizzi mingħandu. Wieħed xorta għandu joqgħod attent, għaliex xi ‘reviews’ jistgħu ikunu fittizji jew mhux ġenwini. Għalhekk bħala Ċentru, aħna dejjem nissuġġerixxu li apparti li taraw dawn l-esperjenzi ta’ konsumaturi oħra, għandkom ukoll taqraw sew it-termini u kundizzjonijiet marbuta max-xiri, speċjalment dawk it-termini relatati mal-kanċellament kif ukoll dawk relatati mal-kunsinna. Importanti li meta tkun sodisfatt mill-informazzjoni pprovduta qabel ma tiddeċiedi li tixtri online, żomm kopja tal-proċess kollu sakemm isir il-ħlas, kif ukoll il-konferma tal-ordni u xi korrispondenza li jista’ jkollok mal-bejjiegħ. 

Roderick Aquilina – Ko-ordinatur ECC Malta

Importanti li tixtri mingħand bejjiegħa online li joffru metodi siguri ta’ ħlas. L-iżjed metodu sigur huwa meta wieħed juża l-karta ta’ kreditu jew inkella sistemi ta’ ħlas online. Evita dawk il-bejjiegħa online li jaċċettaw biss ħlasijiet fejn inti ma tkunx tista’ tingħata flusek lura f’każ ta’ problema mal-bejjiegħ. Eżempju ta’ dawn il-metodi ta’ ħlas huwa bħal meta wieħed iħallas permezz ta’ trasferiment bankarju. 

Meta tkun qed tagħmel pagament, iddaħħalx id-dettalji bankarji tiegħek jekk l-indirizz tas-sit ma jibdiex b’HTTPS:// kif ukoll jekk is-simbolu tal-katnazz ma jkunx jidher fuq il-websajt tal-bejjiegħ. Dawn huma indikazzjonijiet li d-dettalji bankarji tiegħek huma protetti minn serq mingħand terzi persuni waqt li tkun qed tiġi ffinalizzata it-transazzjoni. Madankollu dan ma jfissirx li għax is-sit hija waħda sigura, nistgħu naqbdu u nixtru mingħajr ma niċċekkjaw ukoll kull informazzjoni disponibbli dwar il-bejjiegħ online, speċjalment jekk il-valur tal-prodott jew servizz huwa wieħed sostanzjali. 

Obbligu ieħor importanti li bejjiegħa online għandhom huwa dak li jipprovdu bil-miktub informazzjoni dwar:

  • id-dritt li tirtira mill-kuntratt tax-xiri; Normalment il-perjodu li inti tkun tista’ tirtira mill-kuntratt ta’ bejgħ online huwa ta’ erbatax-il ġurnata, li jibdew minn meta tirċievi l-prodott. F’każ li l-bejjiegħ ikun naqas milli jinfurmak b’dan id-dritt, inti jkollok sa sena biex teżerċita dan id-dritt wara li jkunu skadew l-erbatax il-ġurnata;
  • Il-bejjiegħ għandu 14-il jum biex jirrifondi l-ħlas jekk għal xi raġuni rritornajt l-oġġett li tkun xtrajt. Il-bejjiegħ għandu dritt li jipposponi r-rifużjoni sakemm jirċievi l-oġġett;
  • x’għandek tagħmel jekk tkun trid tikkanċella l-ordni kif ukoll il-formola standard ta’ rtirar;
  • lil min tikkuntattja jekk trid tikkanċella l-ordni;
  • f’każ li trid tirritorna l-oġġett għaliex tkun bdilt fhemtek min irid iħallas għall-ispejjeż relatati mar-ritorn tal-oġġett lura għand il-bejjiegħ;
  • garanzija u fejn issewwi l-prodott f’każ li l-prodott jirriżulta difettuż. Apparti l-garanzija legali li normalment hija ta’ sentejn f’każ li l-prodott ikun difettuz, il-bejjiegħ jista’ joffri garanzija addizzjonali magħrufa bħala garanzija kummerċjali. Normalment din testendi ż-żmien tal-garanzija għal tlieta, ħames u xi kultant saħansitra anke għaxar snin.

Hija responsabbiltà tal-bejjiegħ li jipprova li l-konsumatur ġie pprovdut b’din l-informazzjoni. 

Jekk xi ħaġa tmur ħażina fix-xiri tiegħek għandek diversi għażliet x’tista’ tagħmel. Ibda billi tikkuntatja lill-bejjiegħ bil-miktub dwar il-problema. Tipi ta’ problemi li tista’ tiltaqa’ magħhom jinkludu: l-prodott mixtri ma jkunx wasallek, il-prodott mhux konformi mal-ordni, jew il-prodott ikun difettuż. Fejn hu possibli fil-korrespondenza mal-bejjiegħ inkludi wkoll xi evidenza li jkollok sabiex tgħin lill-bejjiegħ jifhem in-natura tal-problema. 

Mill-banda l-oħra jekk inti trid tagħmel użu mill-perjodu ta’ rtirar ikkuntattja lill-bejjiegħ u ibgħat il-prodott fuq l-indirizz indikat fi żmien erbatax-il ġurnata. Jekk il-bejjiegħ jirrifjuta li jirrifondik il-flus, tista’ tikkuntattja ċ-ċentru tagħna għall-għajnuna kif ukoll tinforma l-bank tiegħek biex tibda proċedura sabiex tkun tista’ tingħata flusek lura. Dan japplika biss meta inti tkun ħallast għall-prodott permezz ta’ karta tal-kreditu. 

Kun af illi jekk tixtri minn bejjiegħa bbażati barra mill-Unjoni Ewropea, r-Renju Unit, in-Norveġja jew l-Iżlanda, id-drittijiet tal-konsumatur Ewropej mhumiex neċessarjament applikabbli għax-xiri u t-tranżazzjonijiet tiegħek. Barra minn hekk, kun konxju li tista’ tiġi mitlub ħlasijiet addizzjonali bħal taxxa doganali f’każ li l-prodott ikun wasallek barra mill-Unjoni Ewropea. Jekk inti xtrajt mingħand individwu anke jekk jgħix f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea d-drittijiet li inti għandek bħala konsumatur ma japplikawx. Id-drittijiet japplikaw biss meta t-transizzjoni ssir bejn bejjiegħ reġistrat u konsumatur. 

Għal aktar pariri u assistenza, tistgħu tikkuntattjawna billi tibagħtulna email fuq [email protected], iċċemplu fuq +356 21221901 jew billi żuruna personalment f’47A, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta. 

Sport