Tuesday, December 24, 2024

Għall-Aħjar Attur

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Għadna ’l bogħod miċ-ċeremonja tal-Oscars 2025 li għandha issir fit-2 ta’ Marzu.  Madankollu, l-lobbying diġa beda minkejja li ħafna mill-films li qed jissemmew għadhom anqas ħarġu għall-wiri.  Dan juri biċ-ċar kemm manuvri ikunu għaddejjin minn wara l-kwinti biex attur jew attriċi ikollhom il-possibilità biex mill-anqas ikunu nnominati.

Il-kategorija għall-aħjar attur tinteressa lilna l-Maltin b’mod dirett.  Fost il-favoriti kbar li jista’ ikun innominat, wieħed isib lil Denzel Washington għall-parti ta’ Macrinus f’“Gladiator II”.  Macrinus hu neguzjant b’saħħa kbira finanzjarja għax jissupplixxi ikel, armamenti, inbid u żejt lill-armati.  Ikun kapaċi wkoll jipprovdi l-gladjaturi.  Il-kelma li qed tiġri fiċ-ċrieki influwenti ta’ Hollywood hi li dan l-attur li f’Diċembru jagħlaq 70 sena, jagħti waħda mill-aqwa nterpritazzjonijiet fil-karriera tiegħu.  Huwa diġa rebaħ żewġ Oscars għall-partijiet li nterprita f’“Glory” u f’“Training Day”.

Anke l-interpritazzjoni ta’ Paul Mescal mhix qed tiġi eskluża milli takkwista r-rikonoxximent mill-membri tal-Accademy of Motion Picture Arts and Sciences.  Mescal għandu l-parti ta’ Lucius.  Huwa jkollu rabja kbira għal Ruma hekk kif it-tmexxija tal-Imperu Ruman hi f’kaos u s-suldati Rumani qed jeqirdu pajjiżi u komunitajiet sħaħ.

“Gladiator II” mistenni jkun fit-teatri fil-15 ta’ Novembru.

Jista’ jkun li fost l-isfidanti għal dan l-unur, Denzel ikollu jħabbat wiċċu ma’ ibnu John David Washington għall-parti prinċipali fil-film dramamtiku “The Piano Lesson”.  Dan il-film hu ispirat minn dramm miktub fl-1987 minn August Wilson u jirrakkonta l-istorja ta’ familja li tasal f’Pittsburgh fl-1936 ftit wara l-Great Depression.  Dan il-film ser imur dirett fuq Netflix probabbli minn Settembru.

Kif wieħħed jistenni, mistenni jkun hemm ukoll l-isfida ta’ Joaquin Phoenix, li hu l-protagonist fis-sequel “Joker: Folie à Deaux”.  Huwa diġa rebaħ l-Oscar għal din il-parti fl-2020.  Is-sequel mistenni jkun fit-teatri mill-4 ta’ Ottubru.

Sfidant ieħor li qed jissemma hu Ralph Fiennes li għandu l-parti tal-Kardinal Thomas Lawrence fil-film “Conclave”.  Huwa jkun inkarigat li jsib is-suċċessur għall-Papa li jkun miet.  Imma waqt dan kollu, il-Kardinal isib li l-Papa kien qed jistor sigriet li hemm bżonn jinkixef.

Għad mhemmx deċiżjoni fejn ser joħroġ għall-wiri dan il-film jekk hux fit-teatri jew fuq pjattaforma diġitali.

Il-ħames sfidant li qed jissemma’ b’ċertu konsistenza hu Colman Domingo li jidher fil-film drammatiku “Sing Sing”.  Domingo għandu l-parti ta’ wieħed maqful il-ħabs fuq delitt li ma wettaqx.  Huwa jsib skop billi joħloq grupp mill-priġunieri stess biex itellgħu play.  Huwa film li juri kemm l-arti tista’ tkun transformattiva.  Dan il-film diġa ħareġ għall-wiri u wisq probabbli narawh fit-teatri lokali aktar tard dan ix-xahar.

Mhumiex dawn il-ħamsa biss li qed jissemmew b’ċertu insistenza.  Interpritazzjonijiet oħra li qed jiġbdu nteress kbir jinkludi dik ta’ Timothée Chalamet fil-parti ta’ Bob Dylan fil-film bijografiku u mużikali “A Complete Unknown”.

Wieħed anqas ma jeskludi lil Jesse Plemons li diġa rebaħ l-unur għall-aħjar attur fil-festival ta’ Cannes għall-partijiet li jinterprita f’“Kinds of Kindness”. 

Ismijiet oħra li qed jissemmew imma b’anqas prominenza huma: Andrew Garfield (We Live in Time); Michael Keaton (Beetlejuice Beetlejuice), Sebastian Stan (A Different Man), Daniel Craig (Queer) u Hugh Grant (Heretic).

Fix-xhur li ġejjin sejrin nisimgħu ħafna aktar dwar min ser jiġi innominat, hekk kif xi wħud jerġgħu jissemmew filwaqt li ismijiet oħrajn jisparixxu.

Ekonomija

Sport