Għall-ewwel darba, is-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex f’udjenza mal-Papa Ljun XIV

Aqra wkoll

Għall-ewwel darba, is-Sindki kollha ta’ Malta u Għawdex inġabru flimkien għal udjenza mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV fil-Vatikan.

Din l-udjenza ġiet organizzata mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, u għaliha attendiet ukoll il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Emil Vassallo, il-Presidenti Reġjonali u rappreżentanti oħra tas-settur. Preżenti ukoll kien hemm l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.

Din l-okkażjoni timmarka mument sinifikanti għall-Gvern Lokali Malti, hekk kif ġabet flimkien lir-rappreżentanti tal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex f’messaġġ komuni ta’ għaqda, paċi u solidarjetà. Din l-esperjenza enfasizzat l-importanza li jissaħħu l-valuri tad-djalogu, tar-rispett reċiproku u tal-inklużjoni, filwaqt li kompliet tenfasizza r-rwol tal-mexxejja lokali fil-bini ta’ komunitajiet aktar magħquda u qrib in-nies.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza li l-messaġġ ta’ paċi, tama u solidarjetà jitwassal fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin permezz ta’ ħidma konkreta li tippromwovi l-għaqda u l-inklużjoni. “Il-paċi tibda minn kull wieħed u waħda minna, mill-mod kif nittrattaw lil xulxin u mir-rispett li nuru lejn id-differenzi ta’ bejnietna,” sostniet il-Ministru.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli ġeddet l-istedina li kienet saret kemm mill-President tar-Repubblika kif ukoll mill-Prim Ministru, sabiex fil-futur qrib ikollna l-unur li nilqgħu fostna fil-Gżejjer Maltin lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun XIV.

Hija temmet billi enfasizzat l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-Gvern Lokali u jappoġġja lis-Sindki fil-ħidma tagħhom favur il-ġid komuni u l-bini ta’ soċjetà aktar paċifika u solidali.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Mario Fava, iddeskriva din l-udjenza bħala opportunità unika biex is-Sindki jwasslu messaġġ komuni dwar l-importanza tal-paċi, l-inklużjoni u s-solidarjetà fil-komunitajiet tagħhom. Huwa saħaq li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol fundamentali fil-bini ta’ komunitajiet fejn kull resident iħossu rispettat, mismugħ u parti integrali mis-soċjetà.

Bħala ġest konkret ta’ solidarjetà, dawk preżenti għall-udjenza ġabru donazzjoni permezz ta’ kontribuzzjonijiet personali. Id-donazzjoni ġiet ippreżentata lid-Dikasteru għas-Servizz tal-Karità tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, biex tikkontribwixxi għall-ħidma ta’ karità favur persuni u familji li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà u diffikultà.

Matul l-udjenza, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ppreżentat ukoll lill-Papa Ljun XIV platt taċ-ċeramika maħdum u mpitter bl-idejn, li fuqu jidhru l-emblemi tal-Kunsilli Lokali u Reġjonali kollha ta’ Malta u Għawdex. Dan ir-rigal simboliku jirrappreżenta l-identità, l-istorja u l-karatteristiċi distintivi tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin, filwaqt li jiġborhom flimkien f’simbolu wieħed ta’ għaqda u appartenenza.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport