Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard ippreseda laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata mill-Aġenzija Identità. L-għan ta’ din il-laqgħa kien li l-Aġenzija tippreżenta u tiddiskuti l-pilastri ewlenin tal-Istrateġija tagħha għall-perjodu 2027–2032. Parti sostanzjali tal-laqgħa kienet iddedikata għal diskussjoni miftuħa, li matulha l-parteċipanti kellhom l-opportunità jaqsmu l-osservazzjonijiet tagħhom, iqajmu punti ta’ interess u jressqu proposti dwar kif l-Aġenzija tista’ tkompli tiżviluppa s-servizzi tagħha.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Jonathan Attard spjega r-rwol importanti li l-Aġenzija Identità għandha fil-ħajja ta’ kull ċittadin. “Hekk kif l-istrateġija attwali qed toqrob lejn it-tmiem tagħha, għandna opportunità biex nibnu fuq il-progress li sar, nidentifikaw fejn hemm lok għal titjib u nħejju lill-Aġenzija għall-isfidi tas-snin li ġejjin,” spjega l-Ministru Attard.
Huwa saħaq li l-istrateġija l-ġdida għandha tistabbilixxi direzzjoni ċara, tidentifika l-prijoritajiet ewlenin u tiggwida l-ħidma tal-Aġenzija sabiex tkompli ttejjeb is-servizzi tagħha.
Il-Ministru Jonathan Attard saħaq fuq l-importanza li d-diġitalizzazzjoni, u l-investiment fl-Intelliġenza Artifiċjali jibqgħu parti mill-proċessi tal-Aġenzija.
Il-viżjoni tal-identità għas-snin li ġejjin hija li tkompli tinvesti f’teknoloġiji u sistemi aktar avvanzati li jnaqqsu l-burokrazija, jissimplifikaw il-proċeduri u jqassru l-ħinijiet ta’ stennija. Dan kollu għandu jsir mingħajr kompromess fuq is-sigurtà tal-identità, il-protezzjoni tad-data personali u l-kontrolli meħtieġa biex tipprevjeni każijiet ta’ frodi.
“L-għan tagħna għandu jkun li noffru servizzi aktar sempliċi, effiċjenti u siguri, li verament iwieġbu għall-ħtiġijiet tan-nies,” sostna l-Ministru.
Iċ-Chairperson ta’ Identità Marlene Mizzi fissret kif fost l-għanijiet prinċipali li fuqhom qed taħdem Identità hemm li tiżdied l-effiċjenza, titnaqqas il-burokrazija u jkompli jissaħħaħ is-servizz offrut, filwaqt li tibqa’ tissalvagwardja l-interess u s-sigurtà tal-pajjiż. Enfasizzat li s-suġġerimenti u l-ideat maqsuma f’dan il-forum se jiġu evalwati u kkunsidrati mit-tmexxija tal-Aġenzija Identità.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Edric Zahra fisser l-importanza ta’ din il-laqgħa ta’ diskussjoni miftuħa u qal li Identità tirrikonoxxi li, sabiex tkompli tiżviluppa u ttejjeb is-servizzi tagħha, huwa essenzjali li żżomm komunikazzjoni kontinwa ma’ dawk kollha li, b’mod dirett jew indirett, għandhom rabta mal-operat tagħha.
Matul il-laqgħa, il-Kap Eżekuttiv ippreżenta l-viżjoni tal-Aġenzija u l-pilastri strateġiċi proposti għall-perjodu 2027–2032, filwaqt li spjega d-direzzjoni li Identità qed tippjana li tieħu biex tkompli ssaħħaħ l-effiċjenza, is-sigurtà, il-governanza u l-kwalità tas-servizzi tagħha.
Din l-inizjattiva serviet biex issaħħaħ id-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, filwaqt li tathom l-opportunità jaqsmu l-fehmiet, l-esperjenzi u s-suġġerimenti tagħhom sabiex jikkontribwixxu għat-tfassil tad-direzzjoni strateġika tal-Aġenzija għas-snin li ġejjin.
