Thursday, November 14, 2024

Għall-ewwel darba restorant Malti jingħata l-grad ta’ żewġ stilel mill-Michelin Guide

Aqra wkoll

L-azjenda Michelin rinomata għall-evalwazzjoni internazzjonali li tagħmel fl-eċċellenza kulinarja, nediet il-ħames edizzjoni tal-Malta Michelin Guide.

Għall-ewwel darba, ION Harbour, restorant fil-Belt Valletta, ġie onorat fil-grad ta’ two Michelin Stars filwaqt li r-restorant Rosami f’San Ġiljan ingħata l-unur ta’ Michelin Star għall-ewwel darba. Ir-restoranti Fernando Gastrotheque, Under Grain, Noni, De Mondion u Bahia reġgħu kkonfermaw il-kisba tal-Michelin Star għal din is-sena wkoll.

Ir-restorant AYU, li jinsab fil-lokalità tal-Gżira, ġie inkluż fil-lista tal-Michelin Bib Gourmand għall-ewwel darba. Apparti minn hekk, ir-restoranti Terroir f’Ħ’Attard, One 80 u Kaiseki tal-Belt Valletta, Level Nine u Al Sale f’Għawdex ġew għall-ewwel darba rrakkomandati fil-lista tal-Michelin Guide.

Dawn id-dettalji tħabbru f’attività, li matulha ġew preżentati plakek kommemorattivi, li ġiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef u ċ-Chairperson tal-istess Awtorità Gavin Gulia.

Il-ministru esprima l-gratitudni tiegħu għar-restoranti kollha li kisbu dan ir-rikonoxximent tant prestiġjuż mill-Michelin. “Il-fatt li sena wara oħra n-numru ta’ restoranti f’Malta u Għawdex fuq il-Michelin Guide qiegħed jiżdied, juri bl-aktar mod ċar kemm f’pajjiżna għandna persuni innovattivi li huma determinati biex ikomplu jgħollu l-kwalità fil-livell tal-prodott tagħhom,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. Huwa żied jgħid li l-gvern ser ikompli jkun ta’ spalla għal kull min irid jinvesti fl-industrija tal-ospitalità.

Ekonomija

Sport