Sunday, December 22, 2024

Għalliem tal-mużika li kellu x’jaqsam ma’ studenta jintbagħat erba’ snin ħabs

Aqra wkoll

Għalliem tal-mużika li 11-il sena ilu kkorrompa studenta ta’ 13-il sena kellu s-sentenza ta’ ħames snin ħabs imnaqqsa b’sena fl-appell, bil-Qorti tisħaq li “persuna matura trid toqgħod attenta li ma taqbiżx il-limiti”, speċjalment meta minuri tkun fdata f’idejh.

Mario Testa, li meta seħħ ir-reat kellu 41 sena, kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u ntbagħat ħames snin ħabs. Huwa iżda appella mis-sentenza mogħtija lilu.

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Neville Camilleri qal li mill-provi li tressqu quddiemu, ma kien hemm l-ebda dubju li l-akkużat kellu x’jaqsam sesswalment mal-minuri li kienet ukoll tattendi għal-lezzjonijiet tal-mużika f’każin tal-banda.

Huwa kien argumenta li l-ewwel Qorti bbażat b’mod żbaljat biss fuq il-verżjoni tal-vittma. Iżda l-Qorti tal-Appell Kriminali osservat li dan ma kienx minnu billi l-ewwel Qorti qieset il-verżjoni tal-akkużat, li jekk xejn, kompliet tagħti piż lir-rakkont tal-vittma.

Fil-Qorti nstema’ kif il-ġenituri tal-minuri nnutaw li binthom bdiet iġġib ruħha b’mod mhux tas-soltu u għalhekk ħaduha għand professjonisti, fosthom psikoterapista u psikjatra. Minn hawn sar magħruf li l-minuri kienet qed tikkomunika mal-akkużat permezz tal-MSN fejn huwa allegatament kien juriha filmati pornografiċi u kien jitlobha tagħmel ċertu affarijiet u jaraha bil-webcam.

Jirriżulta li l-akkużat imbagħad kien iltaqa’ mal-minuri darbtejn fejn ħadha f’appartament f’San Pawl il-Baħar u hemmhekk għamlu l-att sesswali. Mistoqsi x’wasslu biex jagħmel dan, l-akkużat spjega li kienet it-tifla li bdiet tgħidlu biex joħorġu flimkien għax hu kien jogħġobha. Qal li kienet tgħidlu hekk meta kienet tiġi għal-lezzjoni.

Il-Qorti qalet li mill-provi mressqa, ma kienx hemm dubju li s-sess mal-minuri kien tassew seħħ. “Persuna matura trid toqgħod attenta li ma taqbiżx il-limiti għax l-għan tal-liġi hu li tipproteġi l-minuri,” qalet il-Qorti, li żiedet li dan kien iktar hekk meta l-vittma ġiet fdata f’idejha bħala għalliem.

L-akkużat argumenta wkoll li l-piena kienet eċċessiva. Il-psikologu tiegħu u l-uffiċjal tal-probation it-tnejn ikkonfermaw li l-akkużat ma kien ta’ ebda periklu għas-soċjetà.

Madankollu, il-Qorti kkunsidrat ukoll il-gravità tal-akkużi u filwaqt li ma nstabx ħati li offenda l-morali f’post pubbliku – peress li dik l-akkuża ma kinitx inkluża fl-akkużi oriġinali – il-Qorti kkonfermat is-sentenza iżda naqqset il-piena għal erba’ snin ħabs.

L-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili dehru parte civile.

Ekonomija

Sport