Wara li Juventus sfaw eliminati mill-UEFA Champions League meta tilfu bl-iskor ta’ 4-3 għand Benfica, il-coach Massimiliano Allegri spjega kif l-ewwel taqsima kienet detrimentali għat-team tiegħu.
Din kienet ir-raba’ telfa tagħhom minn ħames logħbiet fejn saħansitra jistgħu ma jipparteċipawx fil-UEFA Europa League jekk fl-aħħar programm huma jitilfu kontra Paris St-Germain u Maccabi Haifa jiksbu mqar draw.
Allegri sostna li wara li l-partita kienet mirbuħa u mitlufa meta Benfica kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 4-1, il-players Juventini bdew jilagħbu u bdew resqin lejn rimonta.
“Wara l-goal tad-draw, ma tistax issofri goal ieħor immedjatament bħal dak minn penalty. Għamilna l-ħajja diffiċli għalina nfusna, ma ħadniex żewġ ċansijiet ta’ Vlahovic, imbagħad sibna ruħna fi żvantaġġ ta’ 4-1.
“Din l-eliminazzjoni tweġġa’, ninsabu rrabjati u diżappuntati, imma issa rridu niffukaw fuq is-Serie A għax ma kienx bidu tajjeb għall-istaġun u rridu nirkupraw l-enerġija fiżika u mentali.
“Irridu naċċettaw din l-eliminazzjoni u nbiddlu dak id-diżappunt f’motivazzjoni għall-partita li jmiss kontra Lecce. L-eliminazzjoni ċertament kienet issiġillata qabel din il-logħba, iżda xorta missna bqajna fil-logħba minkejja l-ewwel taqsima diżastruża.
“Sfortunatament, għamilna l-affarijiet aktar diffiċli għalina nfusna u Soule seta’ skorja biex seta’ jagħtina t-tama li nirbħu fl-aħħar minuti.”
“Benfica ħarġu fuq l-offensiva sa mill-bidu, kienu perikolużi fuq il-kontrattakk u kont nittama li Miretti-Milik se jtejbu il-livell ta’ kwalità fit-tieni taqsima, iżda sa dak il-punt konna diġà 4-1 minn taħt.
“Issa rridu niġġieldu għall-post fil-UEFA Europa League. Konna qed nittamaw li l-partita finali tkun tiswa aktar, iżda sfortunatament issa tiswa biss post fl-Europa League.”