Sena wara li tpoġġiet fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force, l-FATF, Malta tneħħiet mil-lista l-griża wara vot sigriet li ttieħed fil-plenarja tal-FATF f’Berlin.
“Il-plenarja għadha għaddejja u mistennija tibqa’ għaddejja sa nhar il-Ġimgħa. Wara nhar il-Ġimgħa jkun hemm komunikat uffiċjali mill-FATF wara liema bħala gvern inkunu nistgħu nagħmlu l-kummenti tagħna”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti lill-ġurnalisti barra l-Parlament meta mitlub jikkonferma dwar din l-aħbar li ħarġet fl-aħħar sigħat fuq il-midja lokali.
Filwaqt li saħaq dwar il-prinċipju tal-kunfidenzjalità, Dr Abela kkonferma u lanqas ċaħad din l-aħbar. Żied jgħid li bejn l-Erbgħa u l-Ġimgħa, il-gvern huwa kommess li josservaw ir-regoli tal-FATF kif għamel fl-aħħar xhur fosthom dak tal-kunfidenzjalità. Spjega li dak hu kriterju importanti ferm u se jkun qiegħed jara li dan jinżomm bħala prinċipju.
“Li nista’ ngħid hu li numru ta’ xhur tajna impenn ċar lill-FATF u l-bqija tal-pajjiż li se nagħmlu sensiela ta’ riformi u dawn ir-riformi għamilniehom. Li nista’ ngħid ukoll hu li dak il-proċess ta’ riformi se jkompli għaddej sabiex pajjiżna nkomplu nsaħħuh bħala ġurisdizzjoni serja u jibqgħu jsiru fi spirtu ta’ sostenibbiltà”, kompla biex jgħid il-Prim Ministru.
Malta tpoġġiet fuq il-lista tal-FATF f’Ġunju tas-sena li għaddiet. Ftit tax-xhur ilu l-FATF kienet indikat li pajjiżna wettaq ir-riformi meħtieġa u indirizza n-nuqqasijiet li kien hemm.