Saturday, November 23, 2024

“Għamilna sagrifiċċji kbar u obdejna… issa qed naraw riżultati sbieħ”

Aqra wkoll

L-esperjenza ta’ mara Maltija li tgħix f’Ragusa u li tispjega kemm hu importanti li nobdu l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa

Minn MELVIN FARRUGIA

“Aħna sejrin tajjeb hawnhekk… wasalna f’sitwazzjoni fejn qed ikollna għaxar każi fil-ġurnata minn popolazzjoni ta’ ħames miljun persuna. Il-provinċja tagħna ta’ Ragusa kienet l-aktar waħda bilgħaqal u r-riżultati li qed ikollna huma sbieħ.”

Dan kien il-kumment ta’ Josephine Mifsud li tkellmet ma’ inewsmalta dwar is-sitwazzjoni li qiegħda tgħix fil-provinċja ta’ Ragusa fi Sqallija. Tispjega kif bħala pajjiż ilhom f’lockdown mit-8 ta’ Marzu u se jibqgħu hekk sat-3 ta’ Mejju. Qaltilna li partikolarment f’jum l-Għid u l-għada, lanqas imneħirhom barra ma setgħu joħorġu għax inkella kienu jeħlu multa ta’ €400. Qalet ukoll li biex ma jkunx hemm skużi, anke s-supermarkets u l-ispiżeriji baqgħu magħluqin.

Madankollu, Josephine qalet li s-sagrifiċċji li għamlu x-xahar li għadda taw ir-riżultati. Saħqet li dan juri d-differenza minn kif għamlu n-nies ta’ Milan u Turin, li baqgħu joħorġu u allura sal-lum għadhom fl-inkwiet.

Spjegatilna kif bħala provinċja Ragusa tesa kważi l-istess ammont ta’ nies daqs Malta u s’issa ġew irreġistrati biss 58 każ pożittiv. Qalet li ttieħdu bosta miżuri bħala parti mil-lockdown li ħallew ir-riżultat meħtieġ. Fosthom, semmiet kif ma setgħux jaqsmu minn provinċja għal oħra sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ saħħa u f’dak il-każ ried jintalab permess u jsiru l-kontrolli.

Semmiet ukoll li meta jmorru jixtru minn supermarkets, mhux biss iridu jżommu d-distanza bejn xulxin u jidħlu tnejn tnejn biex jixtru, talli ġie impost ukoll li tmur tixtri biss persuna waħda minn kull familja.

Saħqet li minkejja li fil-provinċja tagħhom jgħixu ħafna immigranti u persuni barranin, kulħadd qed jobdi u jimxi mar-regoli. Qalet li din id-dixxiplina tat ir-riżultati u dan jidher anke mill-fatt li bajjiet kbar li fuqhom issoltu jkun hemm in-nies issa spiċċaw battala kompletament.

Josephine qalet li kienu anke mumenti fejn intweriet ħafna solidarjetà bejn in-nies li jgħixu f’din il-provinċja. Semmiet kif fost l-oħrajn fl-Għid kien hemm min ftiehem biex jieħu ikla lil min ma kellux x’jiekol u qed jinġabar il-ħaxix għal min hu fil-bżonn. Barra hekk, semmiet negozju tal-fjuri li peress li bħalissa mhux qed ikollu bejgħ qabad il-fjuri kollha li kellu u tahom liċ-ċimiterju biex jitpoġġew quddiem il-mejtin.

Rigward is-sitwazzjoni f’Malta, Josephine staqsiet x’fiha mbilli n-nies ma jmorrux fejn il-baħar jew inkella ma joħorġux għal passiġġata. Fakkret kif missirijietna għamlu sentejn sħaħ jgħixu f’xelter fi żmien il-gwerra u allura mbilli aħna noqogħdu komdi f’darna naraw it-televiżjoni mhux se nagħmlu xi ħaġa kbira. Min-naħa l-oħra, hi qalet li l-bajjiet għandhom jingħalqu għax inkella n-nies se jibqgħu jmorru.

Kompliet tappella biex in-nies jevitaw li jmorru fuq il-bajjiet għax b’xi mod jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ persuni oħra li jkunu infettati. Qalet li f’Ragusa lanqas ġuvni ma jista’ jmur jara lit-tfajla tiegħu għax inkella jaqla’ multa ta’ €400.

Josephine spjegat kif postijiet oħra fi Sqallija, bħal Palermo, ma ħadux dawn il-miżuri bis-serjetà u għamlu festin fil-Pasquetta. Qalet li dawn spiċċaw imwaqqfin minn ħelikopter u eventwalment ġew arrestati. Għalhekk appellat biex in-nies joqogħdu ġewwa ħalli jkollhom moħħhom kwiet u dan kollu jgħaddi malajr.

Sport