Wednesday, April 24, 2024

“Għamilt xi żewġ minuti nħares lejha … beda jgħannaqni miegħu f’mument tal-ġenn”

Il-Malti li dalgħodu sab il-karozza tal-Ingliż Sean Prout

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bħal ħafna oħrajn rajt ħafna reklami ta’ din il-karozza, dalgħodu kif rajtha lanqas stajt nemmen lill-għajnejja… naħseb għamilt xi żewġ minuti niċċassa lejha”.

Qal dan ma’ Talk.mt Lee Micallef – il-Mosti li aktar kmieni dalgħodu rnexxielu jsib il-karozza tas-sewwieq Ingliż Sean Prout.

Is-Sewwieq Ingliż Sean Prout

Micallef qalilna li dalgħodu qam kmieni bħas-soltu biex imur għall-kaċċa u hu u għaddej mit-triq tal-Iklin li tagħti lejn il-Liquid u fil-ġenb lemaħ il-karozza. Huwa qalilna li fil-verità kien qabiżha l-karozza, iżda wara li ġie f’dubju dar lura biex jiċċekkja.

“Int din mhux dik il-karozza… Naħseb għamilt xi żewġ minuti għax lanqas ridt nemmen”, kompla biex jgħidilna l-Mosti. Minn hemm huwa ċempel lill-Pulizija u fi ftit ħin kienu hemmhekk, ċemplu lill-istess Prout u mal-wasla tiegħu kellu l-istess reazzjoni. Ma setax jonqos dan beda jgħannqu miegħu u jirringrazzjah u stqarr miegħu li lanqas hu ma ried jemmen li kien għadha sħiħa. 

Mistoqsi rigward il-kelma tas-sewwieq Ingliż u jekk ikkonfermalux li se jkun qiegħed jagħti l-flus li wiegħed lil min isibhielu, Micallef qalilna li lanqas hu stess ma jaf x’se jiġri. Madanakollu, huwa kien ċar li jinsab kuntent li minn tant nies kellu jsibha hu u li l-fatt li nstabet sħiħa hija xi ħaġa pożittiva għal pajjiżna. 

Is-sewwieq ta’ fama internazzjonali Sean Prout fl-aħħar jiem kompla bl-appelli tiegħu biex tinstab il-karozza magħrufa aħjar bħala ‘Smurf’ wara li din insterqet minn Ħal Far fl-aħħar jiem. F’waħda mill-kitbiet tiegħu huwa sostna li saħansitra l-Maltin kienu diżgustati b’dan l-aġir u li min seraqha la seta’ jsuqha u lanqas juża l-parts tagħha.

Sport