Friday, April 19, 2024

Iċ-Ċina tirreġistra l-ogħla numru ta’ każi tal-Covid f’jum wieħed

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Iċ-Ċina rreġistrat l-ogħla numru tagħha ta’ każijiet tal-Covid ta’ kuljum minn meta bdiet il-pandemija u dan minkejja miżuri stretti mfassla biex iwaqqfu t-tixrid tal-virus. F’diversi bliet ewlenin madwar il-pajjiż, inkluż fil-kapitali Beijing u Guangzhou, kien hemm tifqigħat tal-Coronavirus. 

Matul il-jum tal-Erbgħa, il-pajjiż irreġistra total ta’ 31,527 każ, li jfisser li nqabeż l-akbar ammont milħuq ta’ 28,000 irreġistrat f’April meta l-akbar belt tiegħu, Shanghai, kienet tinsab f’lockdown. Dan kollu qed iseħħ fl-isfond ta’ lockdowns stretti li kulma jmur qegħdin ikomplu jqanqlu aktar episodji ta’ inkwiet. 

Il-politika taċ-Ċina ta’ zero-Covid, salvat il-ħajjiet ta’ madwar 1.4 biljun ruħ fil-pajjiż iżda wkoll tat daqqa ta’ ħarta lill-ekonomija u affettwat il-ħajja taċ-ċittadini. Madankollu, din il-mewġa ta’ każijiet ġodda qed issir wara li l-pajjiż irrilassa xi wħud mir-restrizzjonijiet tiegħu relatati mal-pandemija. 

Il-kwarantina għal kuntatti mill-qrib niżlet minn sebat ijiem f’faċilità tal-istat għal ħamest ijiem u tlitt ijiem fid-dar. Ma baqgħux ukoll jiġu rreġistrati l-kuntatti sekondarji li ppermettew ħafna aktar nies jevitaw milli jkollhom jagħmlu l-kwarantina. 

Sport