Saturday, April 20, 2024

“Għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex l-iskejjel ikunu jistgħu jiftħu fiżikament mill-aktar fis” – Il-Kurja

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa mill-komunikat tal-Kurja ntqal li l-iskejjel tal-Knisja qed jaħdmu qatigħ sabiex jiftħu u jilqgħu lill-istudenti u l-edukaturi f’ambjent kemm jista’ jkun sigur. Qed isir ħafna xogħol u saru ħafna spejjeż biex jinħoloq dan l-ambjent. Barra minn hekk, l-iskejjel tal-Knisja għaddejjin b’diskussjonijiet kontinwi mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, u mal-Malta Union of Teachers.

Is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti, tal-istaff kollu u tal-familji tagħhom, u tal-komunità inġenerali, jibqgħu prijorità ewlenija għall-iskejjel tal-Knisja. Iż-żieda fit-trasmissjoni tal-COVID-19 fil-komunità f’dawn l-aħħar jiem huwa ta’ tħassib serju. Sfortunatament dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jfixklu l-ftuħ tal-iskejjel b’mod sigur.

L-iskejjel tal-Knisja jinsistu li jekk ma jkunux jistgħu jiftħu fiżikament, is-sena skolastika xorta għandha tibda fid-data diġà stabbilità minn kull skola, b’lezzjonijiet online, live jew irrekordjati fost mezzi diġitali oħra, skont it-timetable tal-iskola. Il-lezzjonijiet jingħataw mill-edukaturi li jkunu qed jaħdmu mill-iskejjel tagħhom.

L-iskejjel tal-Knisja jappellaw wkoll biex ikomplu jittieħdu l-miżuri kollha mill-awtoritajiet pubbliċi biex bis-sehem ta’ kullħadd jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sigurtà li jagħmilha possibbli li l-iskejjel jiftħu fiżikament għall-istudenti mill-aktar fis possibbli. Dan fl-aħjar interess tal-istudenti kollha u tas-sistema edukattiva.

Sport