Sunday, December 22, 2024

“Għandi fiduċja assoluta fid-Deputat Prim Ministru”- Il-PM Robert Abela

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela ddikjara li huwa għandu fiduċja assoluta fid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Huwa qal dan wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech talab ruling ieħor, din id-darba dwar il-pożizzjoni tad-Deputat Prim Ministru u jekk din għadhiex kredibbli. 

Il-Prim Ministru beda biex spjega lill-Kap tal-Oppożizzjoni illi l-prerogattiva jekk Chris Fearne jibqax DPM u Ministru ma tispettax lilu. Huwa semma kif diġà kien ingħata ruling it-Tnejn li għadda, li kien fuq materjal kemmxejn differenti imma naxxenti mil-istess suġett. U għall-istess raġunijiet li tat is-Sedja fir-ruling tagħha ta’ nhar it-Tnejn, il-Prim Ministru saħaq li t-talba għal dibattitu b’urġenza taħt l-istanding order 13 kellha tiġi miċħuda.

“Nifhem illi qegħdin 30 ġurnata ‘l bogħod minn elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Nifhem ukoll in-naħa l-oħra m’għandha ebda pjan għal kif se tmexxi ‘l pajjiż il quddiem, u li qed tfittex opportunità oħra llum biex wara jingħata r-ruling jekk ma jkunx favur tagħha toħroġ barra mill-kamra,” qal Dr Abela.

Kien hawn fejn qal li huwa għandu fiduċja sħiħa u assoluta fid-DPM għaliex qabel xejn kien l-ispalla u l-id il-leminija tiegħu waqt pandemija fejn bis-saħħa tiegħu u tat-tim tiegħu ġew salvati eluf ta’ persuni milli jitilfu ħajjithom.

Apparti hekk, il-Prim Ministru saħaq li inkjesta maġisterjali ma tistabbilixxi ebda ħtija fuq ħadd.  “Dik l-inkjesta maġisterjali lil numru ta’ persuni lanqas biss tathom opportunità illi jinstemgħu,” kompla jgħid Dr Abela. 

“Il-fatt waħdu li dik l-inkjesta qalet u ordnat li għandhom jittieħdu proċeduri kontra xi ħadd jew ħaddieħor ma jfisser xejn għalija. Jekk isem Chris Fearne jfeġġ fl-akkużi imma ma jfeġġx fil-korp tal-inkjesta jew ma jfeġġ fl-ebda nuqqas allura se nibqa’ niddefendih bis-saħħa tiegħi kollha u se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ DPM,” tenna l-Prim Ministru.

Wara li l-Kamra ġiet sospiża għal xi ħin, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling fejn reġa’ ċaħad it-talba tal-Oppożizzjoni. “Filwaqt li s-Sedja tikkondividi t-tħassib espress mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, hija ttenni li hi tassattivament marbuta proċeduralment bl-ordnijiet permanenti tal-Kamra u kif dawn ġew applikati b’mod kostanti u regolari minn speakers oħra qabli u għaldaqstant it-talba hi miċħuda,” qal l-Ispeaker.

Sussegwentement, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jidher li dan il-Parlament għal darba oħra qiegħed jiġi mċaħħad milli jiddiskuti realtà li għaddejja f’pajjiżna llum. Hawn l-Ispeaker intervjena u qallu li r-ruling ma kellux jiġi diskuss. “Għedtlek il-proċedura x’għandek tagħmel. Għamel mozzjoni u tiġi għad-diskussjoni. Qiegħed out of order,” qallu l-Ispeaker.

Dr Grech imbagħad informa lill-Ispeaker illi ma jistax ikun li tkun biss l-Oppożizzjoni marbuta bir-regoli fil-Parlament u għaldaqstant iddikjara li “l-Oppożizzjoni mil-lum se tkun qiegħda twettaq diżubbidjenza parlamentari għax ma tistax taċċetta tikkollabora ma’ Gvern li qiegħed out of order.” 

L-Ispeaker irribatta billi qal li: “l-istanding orders qegħdin għal kulħadd u mhux għalik biss.”

Ekonomija

Sport