Saturday, October 26, 2024

“Għandi waħda mill-akbar kollezzjonijiet ta’ Buffon fid-dinja, iżda Baggio jibqa’ l-favorit”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kollox beda minn pittura li għamilt fl-1995. Dak iż-żmien kienet l-era tal-idolu tiegħi Roberto Baggio u dejjem kienet il-ħolma tiegħu li niltaqa’ miegħu personalment. Ġietni l-opportunità anke permezz ta’ nies minn Juventus Club f’Turin li niltaqa’ miegħu u ħadt il-pittura li kont għamilt miegħi. Ma stajtx nemmen, hekk dak il-ħin tarah quddiemek. Niftakar kien ra l-pittura u talabni biex nagħmillu waħda u jien tipo għidtlu jien minn Malta min jaf meta kont se nerġa’ nitla u qbadt u offrejtlu dik. Kien ħa pjaċir ħafna u bħala ringrazzjament qabad flokk li kien għadu kif lagħab bih il-ġurnata ta’ qabel kontra Foggia.

Minn hemm għoġbitni l-idea u għidt bejni u bejn ruħi li jekk kont se nagħmel iżjed pitturi, x’aktarx li aktar plejers li kont insegwi tant mill-qrib kienu se jagħmlu l-istess. Infatti hekk għamilt u ħadmet. Għandi flokkijiet ta’ Zidane, Del Piero, Inzaghi, Padovano u ħafna aktar. Minn hemm bqajt inżid il-kollezzjoni. Is-sabiħ tagħha li tibni bħal pont li mhux kulħadd ikollu x-xorti. Zidane kont pinġejtlu lit-tifel ukoll u tani xi tliet flokkijiet. Is-sabiħ tagħhom jibqa’ li tirreġistra liema kienet l-logħba li fiha ntlibsu l-flokkijiet u l-istorja ta’ dik il-logħba partikolari speċjalment jekk ikun fiha storja relatata mal-plejer li jkun tak il-flokk. Għandi flokkijiet mogħtijin li l-preġju tagħhom huwa li mhumiex maħsulin. Dawn nħalluhom xi ħin fix-xemx biex jinqerdu ċertu batterji, iżda imbagħad nerfgħuhom kif kienu. 

Ir-relazzjoni ma’ Gianluigi Buffon hija xi ħaġa speċjali u sa mill-ewwel sena li ġie mal-Juventus għidt dan nibda nżomm minn tal-inqas flokk minn tiegħu kull sena. Infatti għamel 19-il sena magħna u sa mill-ewwel sena tagħni n-numru tal-mowbajl u bnejna ħbiberija. Nemmen li din ta’ warajja hija waħda mill-akbar kollezzjonijiet ta’ Buffon. Il-kollezzjoni tmur lil hinn minn flokkijiet fejn kif qed taraw għandi diversi ingwanti u issa anke rnexxieli nġib sin guards tiegħu li huma xi ħaġa vera rari li kollezzjonist jirnexxielu jikseb. Minkejja li telaq mal-Parma, il-kollezzjoni tiegħu beħsiebni nkompliha sakemm jirtira għax hija għal qalbi ħafna wkoll.

Għalkemm niffoka fuq il-Juventus, għandi flokkijiet ta’ plejers kbar oħra li rnexxieli nikseb u xorta għandhom post f’din il-kollezzjoni. Barra minn hekk flokkijiet li huma għal qalbi ħafna bħala Malti u Rabti huma dawk ta’ Carmel Busuttil li libes man-nazzjonal fl-aqwa żmien tal-karriera tiegħu.

Il-flokkijiet li nixtru mill-ħwienet ikollhom id-daqs skont kif nafuhom bħalma huma small, medium jew large, iżda tal-plejers ikollhom numru żgħir minn 5-9. Barra minn hekk il-flokk tal-plejer biex dejjem ikun l-eħfef possibbli jkun kollu meħjut, iżda oħrajn li nixtru jkollhom ċertu embroidery. 

Nuża dawn it-tip ta’ boroż għax minħabba l-klima ta’ pajjiżna għax ġieli minħabba s-sħana, jeħlu ma’ xulxin u traġedja jkollok. Naf ħbieb tiegħi kollezzjonisti oħra li żammew flokkijiet mitwijin u meta marru biex joħorġuhom sabu li kulma ħażen sarlu suf. 

Minħabba l-kobor tal-kollezzjoni, iddeċidejt li ma nibqax inżomm bilfors il-flokkijiet tal-home u l-away u li jkun biżżejjed jekk nikseb dak tal-home. Minkejja dawn l-affarijiet kollha, u l-kollezzjoni li qed tibqa’ tikber, dak ta’ Roberto Baggio jibqa’ l-aktar għal qalbi għax għalija bħalu la kien hawn u lanqas ikun hawn”.

William Wylie Micallef; kollezzjonist tal-flokkijiet u affarijiet oħra tal-futbol

Sport