Thursday, July 25, 2024

Għandna biex niftaħru bit-tim glorjuż ta’ Sliema Wanderers – Walter Arciola  (viċi-president)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Walter Arciola hu l-viċi-president ta’ Sliema Wanderers. Hu jaħdem mill-qrib mal-president Keith Perry sabiex il-kumitat b’saħħtu, ħabrieki u motivat Slimiż jimxu dejjem aktar ‘il quddiem. Arciola ra lit-tim jiġi relegat għall-BOV Challenge League f’mument ferm diffiċli għal wieħed mill-iktar klabbs antiki tal-pajjiż. Minkejja kollox, hu ra wkoll lit-tim jitla’ mill-qiegħ u jikseb il-promozzjoni meritata mill-ġdid għall-ogħla kampjonat Malti. Hu kien parti minn dan is-suċċess hekk kif bħala bniedem jaħdem qatigħ sabiex joħorġu b’ideat innovattivi iżda fuq kollox li jagħmlu ġid lil Sliema Wanderers FC.

Int il-viċi-president ta’ Sliema Wanderers li rajt lit-tim jagħmel suċċess fejn miċ-Challenge League tlajtu għall-kampjonat BOV Premier u mhux talli spiċċajtu fit-tielet post tal-klassifika u allura post fil-UEFA Europa Conference League iżda wkoll irbaħtu l-FA Trophy għal rekord ta’ 22 darba. X’kien is-sigriet ta’ dan is-suċċess?

Is-sigriet hu wieħed magħruf. Wara li waqajna għal diviżjoni inferjuri, bdejna naħdmu mal-ewwel sabiex intellgħu lil dan it-tim li ma kienx jixraqlu jibqa’ f’din il-pożizzjoni. Wara li ddominajna l-ewwel fażi fejn konna kważi ċerti li se niġu promossi, f’Jannar bdejna naħdmu fuq plejers li jistgħu wkoll ikunu magħna u eventwalment ikompli fil-kampjonat Premier. Wieħed minn dan kien Geoffrey Acheompong li ħadna mingħand Mosta u li flimkien ma’ oħrajn adatta sew għall-ambjent tagħna. Bdejna naħdmu bil-mod u kellna ċ-ċans nagħżlu u dan naħseb kien parti minn dan is-suċċess. Dan l-istaġun wasalna fejn wasalna grazzi wkoll għall-kumitat ħabrieki li għandna u l-għaqda li dejjem inżammet fit-tim tagħna.

Kemm taħdem mill-qrib mal-president ta’ Sliema Wanderers Keith Perry?

Tista’ tgħid li ma’ Keith Perry nitkellmu minn tal-inqas bejn ħames u sitt darbiet kuljum u daqstant ieħor matul il-ġimgħa ngħaddu ħafna ideat lil xulxin. Aħna niltaqgħu biex naħdmu fuq xi ideat li jkollna għax importanti li dejjem inkunu innovattivi. Kull klabb jgħaddi minn xi problemi u aħna m’aħniex mill-inqas. Ikun hemm problemi żgħar li malajr issolvihom u oħrajn li trid tiddiskutihom sabiex issib is-soluzzjoni għalihom. Jien flimkien ma’ Andrea u Alex u naturalment il-president dejjem naraw kif se nagħmlu xi ħaġa aħjar. Darba fix-xahar niltaqgħu bħala eżekuttiv u naħseb li mexjin fit-triq it-tajba.

Parti minn dan is-suċċess kien ukoll il-kowċ Paul Zammit. Xi tgħidli dwaru?

Paul Zammit m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-futbol lokali. Hu kowċ li kulħadd jaf l-abbiltajiet tiegħu. Narah kowċ dedikat ħafna u metikoluż f’xogħlu filwaqt li dejjem ikun ippreparat sal-inqas dettall. Kelli ċ-ċans nara s-sessjonijiet ta’ taħriġ tiegħu u l-plejers fil-veru sens tal-kelma jieħdu pjaċir miegħu. Għalhekk nasal biex ngħid li Paul Zammit kien parti sew minn dan is-suċċess ta’ Sliema Wanderers li rbaħna l-FA Trophy u ksibna post fil-UEFA Europa Conference League tal-istaġun li ġej.

Ma nistgħux ukoll ma nsemmux lill-barranin li ġibtu fosthom Mohamed Awad, Joseph Minala u Geoffrey Achempong flimkien ukoll ma’ Henrique li qagħdu mal-ewwel għat-tattika tal-kowċ Paul Zammit. Xi tgħidli dwarhom?

Dawn il-barranin kienu verament tajbin għalina forsi anke għax xi wħud minnhom kienu magħna fiċ-Challenge League. Nammetti li konna ilna ma ninzertaw barranin li joqogħdu mal-ewwel għat-tattika ta’ Paul Zammit. Għall-istaġun li ġej m’aħniex se nagħmlu xi tibdil enormi, se jkun tibdil minimu għax nemmen li skwadra rebbieħa m’għandhiex tinbidel kollha.

Nixtieqek twassal ir-ringrazzjamenti tiegħek lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom sabiex Sliema Wanderers kisbu dan is-suċċess.

Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-mara tiegħi u anke lill-uliedi li tant ħadu paċenzja bija. Fil-fatt kien hemm ħafna mumenti matul dan l-istaġun li aktar qattajnih Tigne milli d-dar. Grazzi tmur lill-president tagħna Keith Perry, lil Andrea, Alex u l-kumitat kollu li tant ħadmu sabiex jasal dan is-suċċess. Ma nistax inħalli barra lill-kit managers tal-klabb, il-fiżjoterapisti tal-klabb li ftit jidhru iżda li bis-saħħa tagħhom ukoll ksibna dan kollu. Għandna biex niftaħru bit-tim glorjuż tagħna li issa sar l-iktar wieħed rebbieħ fl-istorja tal-futbol Malti!

Ekonomija

Sport