Minn Cristian Muscat
Wara r-rebha ta’ nhar is-Sibt li għadda kontra l-Ġermanja, it-tim nazzjonali tar-rugby jinsab lest biex jaffronta lill-Iżvezja nhar is-Sibt li ġej fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin. Proprjuu rigward dan u aktar tkellimna mal-coach tat-team nazzjonali, Phil Pretorius, li tana iktar dettalji.
Fi kliemu:
“Is-Sibt sar sforz erojku u l-plejers kienu mimlijin entużjażmu wara dik ir-rebħa; madankollu, l-Iżvezja hija sfida kbira oħra li rridu negħlbu.”
“L-Iżvezja tinsab fl-34 post fil-klassifika dinjija u għandha bażi b’saħħitha ta’ plejers – madwar 40 darba aktar minn Malta. Huma għadhom kemm għelbu lil-Litwanja 60-22, u fl-istaġun li għadda kienu fost l-aqwa tliet timijiet fl-European Trophy. Ma nistgħux nissottovalutawhom.”
“Min-naħa tagħna, tlifna sitt plejers minħabba injuries, ċirkostanzi personali, jew impenji tax-xogħol. Minkejja li għandna skwadra limitata fin-numru, qalbna tħabbat bħala waħda u għandna għan wieħed: li nagħmlu lil Malta kburija. Se nilagħbu b’determinazzjoni kbira; se nisfidawhom u nindirizzawhom bit-twemmin li nistgħu niksbu riżultati kbar.”
“Fl-aħħarnett, napprezzaw ħafna l-appoġġ lokali fl-istadium – il-plejers jieħdu pjaċir immens bih – għalhekk inħeġġiġkom biex tiġu u nirringrazzjakom ilkoll. Ninsabu grati wkoll għall-appoġġ li l-gvern lokali qed juri lejn dan l-isport.”
“Narakom is-Sibt li ġej fit-Tony Bezzina Stadium!”




