Tuesday, June 23, 2026

“Għandna ħafna realtajiet sbieħ… id-dmir tagħna hu li nisimgħu l-leħen ta’ Alla”

Aqra wkoll

– Fr Ivan Scicluna OFM CAP, Provinċjal tal-Kapuċċini Maltin li għadu kif ġie elett President tal-Konferenza tal-Kapuċċini Ewropej (CEMCap)

“Jien qatt ma kelli ħajra li nsir saċerdot.” Hekk beda jirrakkonta Fr Ivan Scicluna, il-Ministru Provinċjali tal-Kapuċċini Maltin li għadu kif ġie elett President tal-Konferenza tal-Kapuċċini Ewropej (CEMCap), kariga prestiġjuża li se tarah imexxi l-ħidma tal-Kapuċċini f’parti kbira tal-kontinent Ewropew matul it-tliet snin li ġejjin.

L-elezzjoni tiegħu saret waqt l-Assemblea tal-Kapuċċini Ewropej fi Scutari, l-Albanija, u ġabet magħha messaġġi ta’ awguri minn ħafna persuni, li raw f’din il-ħatra rikonoxximent għall-ħidma li l-Kapuċċini Maltin ilhom iwettqu matul is-snin.

Iżda l-vokazzjoni ta’ Fr Ivan ma bdietx fil-kunvent. Meta kien żgħir kellu ħolm differenti.

“Kont nixtieq insir għalliem. Kelli x-xewqa li ngħallem il-Malti u l-Franċiż.” Barra minn hekk, kien membru tal-MUSEUM u saħansitra xtaq isir soċju ta’ din l-għaqda.

Madankollu, is-sajf tal-1995 biddel kollox. Ta’ 18-il sena, ra film dwar San Franġisk ta’ Assisi, u dik l-esperjenza ħalliet impatt qawwi fuqu. 

“Dak il-film laqatni b’mod li ma stajtx nispjegah. F’daqqa waħda nibtet fija xewqa qawwija li nitlaq kollox, il-ħolm tiegħi ta’ għalliem, il-pjanijiet tiegħi u dak kollu li kont nimmaġina għall-futur u ngħix il-ħajja li għex San Franġisk.”

Wara dik l-esperjenza, tkellem ma’ ħabib tiegħu u mar iżur il-kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara. Hemmhekk beda jiskopri aktar x’kien qed iħoss f’qalbu.

“Bil-mod il-mod iċċarajt li Alla kien qed isejjaħli biex inkun Franġiskan Kapuċċin u saċerdot.”

Illum, snin wara, Fr Ivan qed iġorr responsabbiltà kbira bħala Ministru Provinċjali tal-Kapuċċini Maltin. Huwa jispjega li r-rwol tiegħu huwa ħafna aktar minn wieħed amministrattiv.

“Hemm ħafna xogħol amministrattiv, iżda hemm ukoll il-ħidma ta’ animazzjoni. Il-motto tiegħi hu li nkun ħaddiem fil-viċinanza, f’dan il-każ viċin il-patrijiet u viċin in-nies.”

Jispjega li, flimkien mal-kunsill tiegħu, jipprova jara kif il-Kapuċċini jistgħu jkomplu jkunu preżenza sinjifikattiva fil-pajjiż.

Din il-preżenza tieħu ħafna forom differenti. Il-Kapuċċini huma involuti fi żjarat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fil-ħidma ma’ persuni bla dar permezz ta’ ħames ċentri differenti, fl-Isptar tal-Onkoloġija, fiż-żewġ parroċċi fdati lilhom, kif ukoll fil-missjoni tagħhom fiż-Żambja.

“Għandna ħafna realtajiet sbieħ. Id-dmir tagħna huwa li nisimgħu l-leħen ta’ Alla u nistaqsu kontinwament x’jixtieq minna bħala Kapuċċini fil-Malta tal-lum.”

Il-kariga l-ġdida tiegħu bħala President tal-Kapuċċini Ewropej tiftaħlu wkoll orizzonti ġodda. Il-Kapuċċini fl-Ewropa huma organizzati f’żewġ konferenzi ewlenin waħda għat-Tramuntana u oħra għan-Nofsinhar tal-kontinent. Fr Ivan ġie elett biex imexxi l-konferenza tan-Nofsinhar tal-Ewropa, li tiġbor fiha 25 Provinċjal minn diversi pajjiżi.

Ir-rwol il-ġdid tiegħu se jiffoka fuq diversi sfidi komuni.

“L-Ewropa kollha qed tesperjenza tnaqqis fin-numri. Kunventi qed jingħalqu, ministeri qed jonqsu u hemm nuqqas ta’ nies f’dan il-qasam u ta’ vokazzjonijiet. Għalhekk huwa importanti li nkunu aktar viċin xulxin, insiru nafu aktar lil xulxin u nikkollaboraw bejna.”

Din il-kollaborazzjoni, jgħid hu, trid tmur ukoll lil hinn mill-fruntieri Ewropej. Semma b’mod partikolari l-Libanu, fejn il-ħtiġijiet huma kbar ħafna.

“Hemm eluf ta’ nies li m’għandhomx ikel u mediċini. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti għal dawn ir-realtajiet.”

Meta jitkellem dwar il-fidi tiegħu, Fr Ivan jgħid li Kristu jibqa’ l-punt ta’ riferiment ewlieni ta’ ħajtu.

“Kristu għalija huwa l-Iben ta’ Alla. Jolqotni fih tliet affarijiet b’mod speċjali.”

L-ewwel nett, Ġesù kien bniedem ta’ talb.

“Kien iqatta’ ljieli sħaħ f’komunjoni mal-Missier.”

It-tieni, għażel li jgħix fil-komunità.

“Sejjaħ lill-Appostli, għex magħhom u ħadem magħhom.”

U t-tielet, kien bniedem li dejjem ħareġ jgħin lill-oħrajn.

“Mar fost il-folol, ta l-ikel lil min kien bil-ġuħ, fejjaq lill-morda u ta ħajtu għall-ġid tal-oħrajn.”

Fr Ivan jara dawn it-tliet dimensjonijiet bħala l-qalba tal-vokazzjoni tiegħu.

“Jien, bħala Kapuċċin u saċerdot, nixtieq ngħix dawn it-tliet aspetti: ħajja ta’ talb, ħajja ta’ fraternità u ħajja ta’ servizz lejn l-oħrajn.”

Mistoqsi dwar iż-żgħażagħ tal-lum, huwa jgħid li filwaqt li hemm ħafna żgħażagħ impenjati, hemm oħrajn li jħossuhom aljenati mill-fidi.

“Hemm ħafna raġunijiet għaliex xi żgħażagħ ma jersqux lejn il-Knisja. Imma ħafna drabi dawk li ma kellhomx esperjenza tal-imħabba ta’ Alla jsibuha aktar diffiċli biex jifhmu s-sbuħija tal-fidi.”

Huwa konvint li meta żagħżugħ jagħmel esperjenza personali ta’ Alla, il-perspettiva tiegħu tinbidel.

“Ladarba żagħżugħ iduq kemm hu tajjeb il-Mulej, tibda mixja differenti.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Fr Ivan għandu messaġġ sempliċi iżda profond għal dawk li qed ifittxu direzzjoni fil-ħajja. 

“Erba’ għajnejn aħjar minn tnejn. Sib lil xi ħadd li jakkumpanjak. Għandna bżonn nieqfu u nistaqsu x’jixtieq Alla minna.”

Jisħaq li l-fidi ma tistax tgħixha waħdek.

“Għandna bżonn komunità, nies li magħhom naqsmu l-fidi tagħna u li jgħinuna niċċaraw is-sejħa tagħna. Itlob, fittex lil min jakkumpanjak u dawwar lilek innifsek b’nies tajba.”

Kliem li, għalih, mhuwiex biss parir, iżda l-esperjenza li bidlitlu ħajtu stess minn żagħżugħ li ried ikun għalliem għal reliġjuż Malti li llum se jmexxi lill-Kapuċċini Ewropej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport