Wednesday, December 25, 2024

“Għandna kull dritt nistrajkaw bħal kull ħaddiem ieħor”

Aqra wkoll

L-istrajk tal-għalliema fi tmiem il-ġimgħa l-oħra reġa’ ta bidu għal attakki fuq dawn il-professjonisti

Minn Carmen Cachia

Filwaqt li l-unjins ħarġu jiddikjaraw li l-istrajk li sar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet mill-għalliema tal-iskejjel tal-Gvern, kien ta’ suċċess kbir, il-maġġoranza tal-għalliema jħossuhom li din kienet okkażjoni oħra biex toħroġ il-mibgħeda u n-nuqqas ta’ rispett lejhom mill-pubbliku. Minħabba ż-żieda fil-każijiet ġodda ta’ Covid-19, il-Malta Union of Teachers (MUT), nhar il-Ħamisiddikjarat strajk ta’ jumejn. Wara aktar diskussjonijiet mal-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa, mil-lum is-sitwazzjoni fl-iskejjel reġgħet irritornat għan-normal u l-għalliema reġgħu lura fil-klassijiet.

Tul il-ġranet li l-edukaturi mxew mad-direttiva tal-unjins tagħhom, il-pajjiż kellu sitwazzjoni instabbli minħabba li għadd ta’ ġenituri ma setgħux imorru għax-xogħol u t-tfal kienu bla skola bil-konsegwenza li l-edukazzjoni waqfet. Dan il-pass wassal għal reazzjonijiet differenti iżda l-aktar sentiment li ħareġ fiċ-ċar huwa dak ta’ rabja u disprezz lejn l-għalliema. 

Għalkemm il-kritika ma ġietx mill-maġġoranza tal-poplu, l-għalliema għal darb’oħra ħassewhom ibbuljati u li m’humiex stmati għax-xogħol li jagħmlu mal-istudenti tagħna. Fuq il-midja soċjali saru għadd ta’ kummenti u attakki tant li dawn il-professjonisti ħarġu jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward.

“M’hemmx rispett lejna. Bħala għalliema mweġġa’ ħafna li jitkellmu dwarna hekk. Ma naqbilx mal-fatt li l-Gvern m’huwiex jikkonsidra t-tagħlim online fi ġranet meta l-figuri juru riskju għoli ta’ tixrid. Onestament ma nistax nifhem kif din is-sistema qiegħda taħdem perfettament fl-iskejjel tal-privat u f’tal-Knisja imma mhux f’tal-Gvern,” sostniet għalliema minnhom.

“Ma niflaħx aktar nara kummenti bħal dawn…”

Dawn il-professjonisti jħossu li din is-sitwazzjoni ilha għaddejja għal ħafna snin u ma jifilħux jaraw aktar kummenti ta’ mibgħeda fil-konfront tagħhom. Kumment ieħor jgħid li, “qisu kollox it-tort tagħna. La naf nidħakx jew nibki f’sitwazzjoni bħal din fejn l-epatija u s-solidarjetà f’pajjiżna hija ineżistenti. Dan aktar meta tara li l-għalliema madwar id-dinja huma kollha stmati, mentri f’Malta, le”.

Għadd ta’ persuni u edukaturi stess, sostnew li l-għalliema għandhom id-dritt li jistrajkjaw bħal kull impjieg jew professjoni oħra. Hemm min assigura li l-għalliema jimpurtahom mill-istudenti u l-edukazzjoni tagħhom fejn qalu li dan huwa ħafna akbar minn dak tal-ġenituri stess. 

Filwaqt li ħafna jħossu li l-unjins qegħdin hemm biex iħarsu lill-ħaddiema membri, is-sentiment ta’ wħud huwa li xi drabi mhux dejjem isir u dan wisq probabbli minħabba li jkunu attakkati għal azzjonijiet li jieħdu. Kien hemm min kiteb li l-għalliema jridu li l-iskejjel jiftħu imma l-unjins tagħhom ma jridux, bil-konsegwenza li l-pubbliku qiegħed jagħti t-tort lilhom.

F’dawn il-jumejn ta’ strajk, kuntrarju għal dak li ħafna ħasbu, l-għalliema kienu bla paga u għadd ta’ persuni f’din il-professjoni jsostnu li, “li tkun għalliem hija dedikazzjoni u għax tħobbb dan ix-xogħol u mhux għall-flus”. L-għalliema jemmnu li l-kritika l-aktar ġiet minħabba li l-ġenituri li jaħdmu ma kellhomx fejn iħallu lil uliedhom u li r-rwol tal-edukaturi illum il-ġurnata sar aktar ta’ babysitters milli biex jgħallmu.  

Għalliem sostna li fuq il-midja soċjali hemm min ixerred il-mibgħeda lejn min għada jrid iħabbat wiċċu miegħu u li din hija mentalità tat-tielet dinja. 

Tajjeb li wieħed jgħid li mhux il-ġenituri kollha kkritikaw jew iġġudikaw lill-għalliema li ħarġu bi strajk. Huwa minnu però, li kien hemm ġenituri li ħassu li dan l-istrajk ma kienx hemm bżonnu u dan b’mod speċjali minħabba li kienu għadhom kemm spiċċaw il-vaganzi tal-Milied. 

Ħafna staqsew kif l-infermiera u t-tobba, kif ukoll ħafna ħaddiema oħra jibqgħu għaddejjin bix-xogħol tagħhom mentri l-għalliema strajkjaw. Edukatriċi fiċ-childcare qalet li l-għalliema, “setgħu ma qadux għall-istrajk. Mhux għax għajtejt strajk l-MUT ifisser li t-teacher trid tagħmlu ta’ bilfors. Aħna taċ-childcares x’missna nagħmlu bit-tfal li nbiddlulhom u nimsħulhom imneħirhom? Xorta mmorru għax-xogħol u b’dedikazzjoni nieħdu ħsieb lil dawn l-anġli bla ma neqirdu”.

Bżonn ta’ protezzjoni u mhux attakki

Proprju minħabba kummenti bħal dawn, għalliema jħossu li dan l-istrajk ġab biss ħafna ġenn u kundizzjonijiet miegħu minħabba li pjan ta’ kontinġenza  m’hemmx. Issemma’ wkoll il-fatt li b’dan l-istrajk kull ma ġara huwa li l-għalliema tilfu jumejn paga u li għalihom ma nbidel xejn b’mod konkret. 

Sakemm in-numru tal-każijiet ġodda tal-virus jonqos, is-sistema tat-tagħlim online hija dik favorita fost il-maġġoranza tal-għalliema u jistqarru li ma jafux kif din is-sistema taħdem tajjeb fi skejjel oħra mentri f’tal-Gvern din m’hiex tiġi mħaddna.

Kien hemm għadd ta’ għalliema li ma mxewx mad-direttiva tal-istrajk u daħlu għax-xogħol, mentri kien hemm oħrajn li stqarru li strajkjaw bħala turija ta’ rispett lejn il-kollegi tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar, jibqa’ l-fatt li l-edukaturi huma ddiżappuntati minn kif qegħdin jiġru l-affarijiet u li m’għandhom lil ħadd fuq min iduru. 

In-nuqqas ta’ apprezzament lejhom qiegħed jinħass ħafna fost dawn il-professjonisti u jemmnu li f’dawn iż-żminijiet diffiċli kemm it-tfal, kif ukoll huma, għandhom bżonn il-protezzjoni u mhux attakki. 

Il-kummenti ta’ mibgħeda lejn l-għalliema f’dawn il-ġranet kienu sostanzjali u peress li fil-pajjiż diġà għandna problema ta’ nuqqas ta’ għalliema, dan it-tip ta’ atteġġjament jista’ jwassal biex in-numru tagħhom ikompli jonqos u inqas studenti universitarji jitħajjru jidħlu għal din il-professjoni.

Ekonomija

Sport