Thursday, April 18, 2024

“Għandna l-inqas inflazzjoni għax aġixxejna f’setturi importanti”

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tkellem dwar l-għoli tal-ħajja u qal li għalkemm għandna l-inqas rata ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea, għalih u għall-Gvern dan mhux biżżejjed biex nieqfu naħsbu u naġixxu dwar din l-isfida. “Għanda l-inqas inflazzjoni għax aġixxejna f’setturi importanti ħafna. Żammejna l-prezzijet tal-enerġija u tal-fjuwils stabbli.”

Dr Abela qal ukoll li fil-fora Ewropej, Malta tenniet il-pożizzjoni tagħha li taqbel li jsiru interventi fejn meħtieġ biex il-piż tal-isfidi kurrenti ma jinxteħitx fuq in-nies.
Fil-laqgħat li saru, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-insularità ta’ pajjiżna u qal li pajjiżi bħal Malta għandhom ikollhom il-flessibiltà li jibqgħu jintervjenu favur is-sigurtà tal-provvista tal-gass u bi prezzijiet stabbli u biex jibqgħu kompettitivi mil-lat ekonomiku.

“Fil-Kunsill Ewropew sħaqna li d-dixxiplina fiskali hi importanti imma rridu nadottaw l-istess stil li ħdimna bih waqt il-pandemija. Li jfisser li jkollna flessibiltà biex inwieżnu u noffru spalla lin-nies tagħna.”

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-gwerra ġabet magħha sfida ġdida li tikkonċerna s-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Qal li n-nies qed isaqsu jekk iż-żidiet li qed nesperjenzaw fil-prezzijiet tal-ikel humiex kolha ġejjin b’effett tal-gwerra jew jekk hemmx min qed jikkapitalizza mis-sitwazzjoni.

“Nemmen li l-imprendituri u n-negozji Maltin fil-maġġoranza assoluta tagħhom huma nies onesti u beżlin u b’tant sagrifiċċji waqt pandemija baqgħu għaddejjin u qed iħarsu lejn dan iż-żmien li ġejjin b’ottimiżmu għax ir-rota baqgħet iddur u żammejnieha ddur.

“Filwaqt li vera għandna suq ħieles, l-għajnuna li ta l-Gvern biex kulħadd baqa’ għaddej salvajna negozji u impjiegi trid tkun il-bażi li nkompli nkabbru l-ekonomija tagħna b’mod ġust,” tenna l-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport