Friday, December 13, 2024

“Għandna naħsbu aktar f’karrieri”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

Waqt seminar imsejjaħ ‘’Ħiliet tal-Futur u l-Intellingenza Artifiċjali fl-Ewropa”, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja enfasizza li d-dinja tax-xogħol qed tinbidel u se tkompli tinbidel għaldaqstant il-prijorità hi li ndawru l-impjiegi f’karrieri.

Dan is-seminar kien organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ, flimkien mal-Malta Business Bureau u l-GWU, bil-għan li jikber iktar l-għarfien u tinħoloq diskussjoni dwar aspetti differenti u l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq l-organizzazzjoni u l-prattiċi tax-xogħol.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fisser li filwaqt li ħadd ma jista’ jipprevedi l-futur b’danakollu xejn ma jżomm milli jsir sforz biex il-futur jiġi mfassal. Dan jista’ jsir jekk kulħadd ikun jaf lejn fejn irridu mmorru fil-ġejjieni.

Huwa semma kif il-bidliet li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol qed isiru b’pass mgħaġġel u qal li dan il-fatt jitlob li sew il-ħaddiema kif ukoll min iħaddem jadatta għal dawn il-bidliet.

Bugeja rrefera wkoll għad-djalogu soċjali b’saħħtu f’pajjiżna u qal li dan huwa dovut għas-sistema politika ta’ pajjiżna fejn mhux biss jiġu diskussi diversi materji imma wkoll kif issir l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet. Għalhekk dan jirrikjedi l-involviment ta’ kulħadd anki tal-istituzzjonijiet kollha edukattivi.

Fakkar li s-sena l-oħra l-GWU u l-Malta Chamber ħadu sehem fil-Malta National Employment Policy li għandha twassal sas-sena 2030 u qal li din għandha tkun il-bażi li nibnu fuqha. Madankollu trid issir analiżi tal-industrija bil-għan li jinstabu l-lakuni u jekk is-sistema edukattiva hux timla dawn il-lakuni.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU staqsa wkoll jekk għandniex nibqgħu nserrħu fuq il-ħaddiema barranin u nieqfu hemm jew jekk pajjiżna għandux jenfasizza iktar it-taħriġ fil-ħiliet tal-ħaddiema ħalli joffrilhom opportunitajiet ta’ karriera u mhux biss ta’ impjieg.

Waqt li semma li l-GWU hija involuta kontinwament f’ammont kbir ta’ negozjar kollettiv ma’ postijiet tax-xogħol differenti qal iżda li dak li għandna nagħmlu llum għandu jkun fuq livell nazzjonali billi f’ċertu industriji hemm ħiliet li huma meħtieġa f’industriji oħra differenti.

B’referenza għall-bidliet mgħaġġla fid-dinja tax-xogħol, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jgħid illi s-soċjetà Maltija hija kapaċi tadatta għal kull eventwalità u għalhekk flok tibża’ minn dawn il-bidliet għandha tabbraċċjahom u tkompli miexja ‘l quddiem.

Ekonomija

Sport