Monday, May 13, 2024

“Għandna nibqgħu naħdmu għal bidliet li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies”

- Il-Ministru Owen Bonnici

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jindirizza l-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista bit-tema “Insaħħu Malta Tagħna”, Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li l-ħolma ta’ dan il-Gvern hi li nkunu fuq quddiem nett biex nagħtu l-aħjar lil uliedna.

Sostna li hu faċli li wieħed jiffoka dwar il-ħafna bidliet u riformi b’saħħithom li saru f’dawn l-aħħar snin. Il-Ministru Bonnici qal li “aħna kburin b’dak li għamilna flimkien fejn kien hemm oħrajn li ħadmu biex dawn il-ħafna affarijiet ma jsirux … iżda rridu nibgħu naħdmu u nħarsu lejn il-futur għal aktar bidliet li jagħmlu d-differenza fil-ħajja tan-nies.”

Stqarr li l-Partit Laburista kien, għadu u se jibqa’ d-dar naturali tal-bidliet. “Se jibqa’ jkun il-moviment tal-għaqda, ta’ ispirazzjoni. Aħna tim li lest li jaħdem, li għandu r-rieda li jieħu lil dan il-pajjiż aktar ‘il quddiem,” qal il-Ministru Bonnici.

Tenna li hawn sezzjoni ta’ nies li qegħdin jibżgħu li jekk jerġa’ jkun hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jitreġġa’ l-arloġġ b’lura. “Kollox itir mar-riħ… jekk nissograw it-tmexxija tal-pajjiż f’min ivvota kontra d-dħul tad-divorzju, li vvota konta l-liġi tal-IVF, jew li baqa’ gallarija dwar iż-żwieġ bejn il-koppji tal-istes sess,” enfasizza l-kelliem.
Dr Bonnici qal li hemm għażla li jew nibqgħu mexjin ‘il quddiem jew inkella mmorru lura lejn il-passat. “Dan hu proġett li qed nagħmlu pajjiż aktar b’saħħtu. Proġett ta’ ġens li kiber, iżda jrid u jixraqlu jkompli jikber.”

Ħeġġeġ lil kulħadd biex jibqgħu magħqudin pass wieħed wara l-mexxej Robert Abela. B’dan il-mod biss nistgħu niksbu aktar affarijiet għas-soċjetà Maltija. Fakkar dak li kisbu l-istudenti, il-pensjonanti u dawk il-persuni l-aktar li huma fil-bżonn. Fl-istess waqt qal li rridu nsaħħu lill-ħaddiema u nagħtu kuraġġ lil min irid jinvesti fix-xogħol.

Il-Ministru faħħar ukoll l-organizzaturi u l-artisti kollha li ħadu sehem fin-Notte Bianca s-Sibt filgħaxija. Qal li verament iħossu kburi bit-talent tal-artisti Maltin.

Sport