It-tabib Michael Spiteri rringrazzja lit-tim tal-ambulanzi ta’ Mater Dei, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta u Transport Malta għall-koperazzjoni tagħhom fl-operazzjoni delikata tal-bieraħ.
Spiteri xtaq jiċċara dwar l-importanza tal-ewwel assistenza medika u l-għajnuna avvanzata mogħtija minn professjonisti mid-dipartiment tal-emerġenza qabel persuna li tkun korriet tkun tista’ tittieħed l-Isptar Mater Dei.
It-tabib spjega li l-iskop tal-ewwel għajnuna medika hija li twaqqaf il-pazjent milli jitlef il-ġlieda mal-mewt fl-ewwel minuti wara l-inċident. Kompla biex jgħid li għalkemm tinkludi ħiliet aktar sempliċi minn dawk tal-professjonisti, din it-teknika tista’ tkun tant effettiva li tiddetermina bejn ħajja u mewt.
Min-naħa l-oħra l-professjonisti mid-Dipartiment tal-Emerġenza u l-kura avvanzata hija meta dawk involuti litteralment jieħdu l-Isptar għand il-pazjent. Huwa faħħar lil dan it-tim speċjalizzat li kapaċi jaħdem f’kundizzjonijiet diffiċli ħafna. Fuq il-post huma jkunu kapaċi jagħtu trasfużjoni ta’ demm, jgħinu fil-kontroll tal-ossiġnu u jgħinu bi trankwilizzanti fost interventi oħra neċessarji f’sitwazzjonijiet varji. Barra minn hekk dawn huma wkoll mħarrġa biex flimkien ma’ uffiċjali oħra jitrasferixxu pazjenti minn fuq l-art, fuq il-baħar u anke mill-ajru.
It-Tabib temm iħeġġeġ aktar persuni biex ikunu mgħarrfa dwar din l-ewwel għajnuna li tingħata filwaqt li rringrazzja lit-timijiet fl-Isptar Mater Dei li jkunu preparati biex jirċievu l-pazjenti f’tali sitwazzjonijiet.