Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo appella lill-Gvern biex ikun hemm kumpens għar-raħħala sabiex ikunu jistgħu jkampaw maż-żieda fil-prezz tal-ġwież. Huwa qal li dan huwa mument li jekk infalluh bħala pajjiż għada pitgħada se jkollna konsegwenzi gravi.
“Nemmen li bħala Parlament għandna naqsmu l-preokkupazzjoni ta’ dawk involuti f’dan is-settur. Il-ftit raħħala li baqagħlna se jibdew jiddeċiedu li jkun aktar jaqblilhom li ma jibqgħux irabbu l-bhejjem tagħhom u jibdew jimpurtaw u jbigħu huma. Dan għaliex kważi l-mod kif qed jiżdied il-prezz tal-ġwież mhux se jibqa’ aktar vijabbli li dawn jibqgħu jaħdmu.
“Araw li tindirizzaw din il-problema. F’ġieħ Malta li rridu għal uliedna, ejja ma nippermettux li uliedna għada pitgħada ma jkollhomx majjal frisk ta’ Malta, jew li ma jixorbux ħalib frisk ta’ Malta. Ejja ma nippemettux li dan il-pajjiż ikun jiddependi mill-importazzjoni,” tenna Vassallo.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li jinsab konxju tal-mod kif żdiedu l-prezzijiet tal-gwież. Madanakollu stqarr li l-għajnuna li rridu nagħtu u l-mod li rridu nintevjenu bih irid ikun f’linja u b’rispett lejn ir-regoli Ewropej f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni ta’ state aid.
“Irridu naraw li dak li nagħmlu jkun b’rispett sħiħ lejn ir-regolamenti biex b’hekk ma jkollniex problemi f’dan il-qasam u f’oqsma oħra. Konxju tal-mod kif dawn l-ispejjeż żdiedu fuq il-produtturi u saħansitra kien żmien fejn it-turiżmu f’dan il-pajjiż naqas, id-domanda għall-prodotti bħal ħalib jew laħmijiet, naqset b’mod sinjfiikanti.
“Minn naħa kellhom inqas bejgħ u min-naħa l-oħra żdiedu l-ispejjeż tal-għalf tagħhom u għalhekk il-marġni tal-profitti tagħhom spiċċaw biex ġew fix-xejn. konxju ta’ dawn il-fatti u qed naraw kif inhi l-aħjar triq ‘il quddiem,” qal il-Ministru Caruana.
F’dak li għandu x’jaqsam ma’ spejjeż marbuta mat-trasport u ġarr ta’ merkanzija, huwa sostna li l-Ministru Miriam Dalli tinsab għaddejja b’diskussjonijiet mal-Kamra tal-Kummerċ b’rabta mat-triq ‘il quddiem f’dan ir-rigward.