Saturday, April 20, 2024

Għaqdiet ambjentali jibqgħu joġġezzjonaw għall-proġett ta’ Kemmuna

il-kumpanija HV Hospitality tirreaġixxi li l-proġett għadu mhux jinftiehem sew

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Seba’ għaqdiet ambjentali oġġezzjonaw bil-qawwi għall-kumpless ta’ vilel li qed jiġi propost fil-gżira ta’ Kemmuna minn Hili Group f’konferenza li ssejħet quddiem il-bini tal-istess kumpanija fil-Marsa.

Huma sostnew li jekk approvati, il-pjanijiet, li bħalissa qed jiġu kkunsidrati mill-Awtorità tal-Ippjanar, ifissru li s-sit sħiħ tal-eks Comino Hotel jiġi żviluppat mill-ġdid u estiż, b’kumpless ferm akbar ta’ 19-il villa. L-approvazzjoni tal-ERA tal-proġett bħalissa qed tiġi appellata quddiem it-Tribunal tal-Ippjanar (EPRT) minn bosta organizzazzjonijiet.

Bungalows eżistenti u dawk proposti

L-għaqdiet fakkru li Kemmuna hija indikata bħala Żona ta’ Konservazzjoni Rurali, Riżerva Naturali, Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni, Żona ta’ Protezzjoni Speċjali fi ħdan Natura2000, Żona Importanti għall-Għasafar (IBA) ta’ Importanza Internazzjonali u tal-UE, Santwarju tal-Għasafar, u sit ta’ Wirt tas-Sema Skur. Saħqu li l-influss ta’ inġenji u materjal tal-kostruzzjoni u ż-żieda sproporzjonata ta’ attività umana se jikkawżaw impatt ambjentali enormi u qerda irriversibbli.

Lukanda eżistenti u dik proposta

L-organizzazzjonijiet xejnu l-istqarrijiet foloz ta’ Hili Group, li huma biss greenwashing iddisprat li jaħbi l-fatt li art pubblika u naturali ser tinqered f’ġieħ il-profitt privat. Dan hekk kif sa ftit tal-ħin wara, il-kumpanija HV Hospitality, is-sussidjarja ta’ Hili Ventures qalu li l-proġett jidher li għadu mhux jinftiehem sew. Fost l-oħrajn il-kumpanija qalet li dawn huwa proġett li jiffoka fuq il-bini mill-ġdid ta’ strutturi li ilhom jeżistu mis-snin sittin. Qalet ukoll li dan se joħloq destinazzjoni ta’ turiżmu sostenibbli skont ir-rekwiżiti u l-istandards mitluba u li l-proġett huwa studjat ħafna tant li l-ħsieb huwa li jnaqqas iż-żoni mibnija u parti mix-xatt saħansitra se titreġġa’ lura.

L-għaqdiet ambjentali li oġġezzjonaw huma Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa, BirdLife Malta, NatureTrust-FEE, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, u Ramblers’ Association.

Sport