Minn tal-inqas 20 persuna tilfu ħajjithom f’għargħar li laqat iċ-ċentru tal-Afganistan fl-aħħar sigħat. Xita qawwija li niżlet f’ħin qasir wasslet biex eluf ta’ djar jitkissru kif ukoll saret ħsara kbira fuq meded ta’ artijiet agrikoli.
Matul din is-sena l-Afganistan esperjenza numru ta’ diżastri naturali fosthom nixfa kif ukoll terremot kbir li ħalla iktar minn 1,000 persuna mejta f’Ġunju li għadda. Mohammad Nassim Haqqani, li huwa l-kelliemi għall-awtorità għall-ġestjoni tad-diżastri qal li b’kollox kien hemm għoxrin persuna li tilfu ħajjithom, u 35 li sofrew ġrieħi f’għargħar ġewwa l-provinċja Logar. Rapporti mhux uffiċjali qed jgħidu li n-numru huwa ferm ikbar minn hekk.
Il-gvern tat-Taliban li ħa l-kontroll tal-pajjiż f’Awwissu li għadda qiegħed isibha diffiċli biex ikampa mad-diżastri naturali li qed jolqtu lill-pajjiż u għalhekk talab għal assistenza internazzjonali. Kelliemi għall-gvern f’filmat li tella’ fuq il-midja soċjali qal li, “aħna nitolbu lill-komunità internazzjonali, speċjalment lill-pajjiżi Iżlamiċi u lill-organizzazzjonijiet umanitarji biex jgħinu lill-vittmi b’mod urġenti.”