Fost dawk li marru jaraw lil Bjorn Formosa l-Isptar u anke tawh donazzjoni kien hemm Wayne Pavia. Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, Pavia kiteb li għal sena oħra sarraf il-leave li kien baqagħlu u ta s-somma ta’ kważi €1,000 lill-Fondazzjoni ALS. Qal li f’dawn l-aħħar sitt snin tahom b’kollox kważi €7,000.
Il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS Bjorn Formosa, li bħalissa jinsab rikoverat l-Isptar Mater Dei, irriżulta li kellu problemi fiż-żamma tal-awrina (bladder failure).
Ħabbru dan il-ħbieb tiegħu b’messaġġ fuq Facabook, fejn spjegaw li kemm ilu l-Isptar, Bjorn kellu chateter miegħu li għenu ħafna. Biss it-tobba kellhom jgħidulu jekk dan il-chateter hux se jibqa’ miegħu għal dejjem.
“Minkejja li saħħet Bjorn qed tmur lura ħafna, xorta jaħseb kif ser jgħin. Kemm ilu l-isptar, it-telefonati minn pazzjenti wħud ġodda baqgħu deħlin u xorta għadu jgħin kif jista’. Sal-Erbgħa stess pazjent kellu bżonn apparat u rranġa biex jgħinu wkoll,” qalu l-ħbieb ta’ Bjorn.
Huma rringrazzjaw lil dawk kollha li marru jżuru lil Bjorn fl-Isptar jew li bagħtulu messaġġi u anke tad-donazzjonijiet tagħhom li se jmorru għall-maratona li se ssir nhar il-25 ta’ Settembru li ġej.
Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta’ BOV Mobile Pay fuq 7909 6249, b’SMS fuq 5061 8936 għal donazzjoni ta’ €6.99 jew online fuq https://alsmalta.org/donate.