In-negozji Għawdxin ottimisti għal din is-sena
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat iddikjara ma’ dan is-sit li l-pandemija wasslet biex jiżdied it-turiżmu intern lejn Għawdex. Dan reġa’ ta dik l-ispinta meħtieġa lin-negozji Għawdxin relatati mat-turiżmu.
Fil-fatt, minn stħarriġ li għamlet l-Assoċjazzjoni fl-aħħar ġimgħat, jirriżulta li fl-2021, 68% tal-istabbilimenti Għawdxin irrapportaw żieda fl-attività kummerċjali tagħhom kumparat mas-sena 2020. Min-naħa l-oħra, 24% tal-istabbilimenti qalu li baqgħu fl-istess livell tal-2020 filwaqt li 8% irrapportaw li kellhom inqas negozju.
Ir-rispons inkoraġġanti għal dan l-istħarriġ mill-operaturi turistiċi Għawdxin kopra firxa wiesgħa tas-settur turistiku fil-gżira t’Għawdex u kien jinkludi r-restoranti, is-settur tal-akkomodazzjoni, ċentri tal-għads, trasport, u attrazzjonijiet turistiċi fost oħrajn.
“Diġà kellna indikazzjoni però jidher li b’mod ġenerali, in-negozji turistiċi Għawdxin irrapportaw li l-2021 kienet aħjar mis-sena 2020. Ta’ min jgħid li l-2020 kienet l-ewwel sena tal-pandemija u ħafna drabi konna qegħdin noperaw f’ċirkostanzi li ma konniex nafu fejn se jwassluna, u kien hemm restrizzjonijiet qawwija,” qal is-Sur Muscat meta kkuntattjat ilbieraħ minn L-Orizzont.
Huwa qal li s-sena li għaddiet ix-xenarju beda jinbidel fejn żdiedet il-fiduċja fost dawk li jivvjaġġaw lejn Malta. Qal ukoll li l-vaċċin għen biex it-turisti li jkunu mlaqqmin ikunu jistgħu jidħlu f’pajjiżna fejn qabel kellna l-ajruport magħluq.
Is-Sur Muscat qal ukoll li minkejja li fost il-Maltin kien hemm ċertu biża’ u inċertezza biex isiefru minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija kif kienet dakinhar, Għawdex xorta waħda baqa’ d-destinazzjoni favorita mal-Maltin matul is-sena li għaddiet.
Kien hawn fejn semma kif fl-2020, it-total ta’ ljieli mqatta’ mill-Maltin qabeż il-miljun, bl-indikazzjonijiet qed juru li din il-figura se tkompli tiżdied għall-2021. “Filwaqt li f’Malta lħaqna rata għolja ta’ vaċċinazzjoni u minħabba f’hekk ċertu restrizzjonijiet qed jaqgħu, allura nistennew li aktar ma tiżdied din ir-rata f’pajjiżi oħra, jerġa’ jibda jkun hemm għatx kbir għas-safar u jieħdu l-vaganzi tagħhom f’Malta.”
“Allura, qed naħsbu li l-2022 se tkun sena oħra tajba, aħjar mill-2021. Jista’ jkun li ma nilħqux il-livelli tal-2019, qabel il-pandemija, però nittamaw li nkunu qbadna t-triq lejn irkupru totali,” tenna l-Kap Eżekuttiv tal-GTA Joe Muscat.
Sadanittant, mill-istħarriġ li għamlet l-Assoċjazzjoni ħareġ ukoll li aktar minn nofs il-parteċipanti (55%) qalu li s-suq domestiku fl-2021 kien aħjar mill-2020, waqt li 29% qalu li matul is-sena li l-klijentela domestika baqgħet fl-istess livelli tas-sena ta’ qabel u 16% irrapportaw inqas negozju mis-suq domestiku meta mqabbel mal-2020. Apparti minn hekk, 57% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-ostaklu prinċipali tagħhom kienet il-pandemija, 20% ilmentaw minn nuqqas fid-domanda u l-bqija semmew nuqqas ta’ ħaddiema u spejjeż operattivi.
Finalment, minn dan l-istħarriġ, irriżulta wkoll li 37% ta’ dawk li wieġbu kkonfermaw li qed ikollhom diffikultajiet biex jiksbu l-permessi meħtieġa biex jimpjegaw ħaddiema barranin. 54% qalu li qed jimpjegaw bejn wieħed u żewġ ħaddiema barranin, 20% qed jimpjegaw 8 barranin jew aktar, waqt li 26% iddikjaraw li għandhom minn 3 sa ħames impjegati.