L-MPE Miriam Dalli u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija jemmnu li Għawdex tista’ twitti t-triq f’teknoloġiji nodfa u innovattivi wara COVID-19
L-MPE Miriam Dalli u l-Gozo Business Chamber jaqblu li s-sostenibbiltà fin-negozju tista’ tgħin lil Għawdex iżomm il-karatteristiċi uniċi tiegħu u jattira niċeċ ekonomiċi speċifiċi għalih. Dawn is-suġġerimenti ġew diskussi waqt laqgħa bejn il-Membru Ewro-Parlamentari u membri mill-Kamra.
Il-pandemija qed tħalli l-effetti tagħha fuq in-negozju Għawdxi wkoll. Skont ċifri uffiċjali, in-numru ta’ passiġġieri li vvjaġġaw bejn Malta u Għawdex matul it-tieni kwart ta’ din is-sena naqas b’63% meta mqabbel mat-tliet xhur korrispondenti fl-2019, għalkemm in-numri bdew jerġgħu jiżdiedu fix-xhur tas-sajf.
Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi, l-MPE Miriam Dalli u l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija ddiskutew ideat dwar kif Għawdex tista’ sservi bħala gżira fejn ikunu studjati soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-għan tad-dekarbonizzazzjoni. Fost l-ideat li ġew diskussi kien hemm l-elettrifikazzjoni u vetturi li ma jħammġux, it-teknoloġija tal-enerġija solari, għażliet ta’ teleworking, u teknoloġiji innovattivi oħra li jkunu kważi lesti biex joħorġu fis-suq.
Dan il-mod ta’ ħsieb proattiv jista’ jpoġġi lil Għawdex fuq quddiem nett fil-miri Ewropej. “Għalkemm l-UE għandha l-għan li tkun ‘climate-neutral’ sal-2050, din il-mira tista’ tintlaħaq qabel f’Għawdex, grazzi għad-daqs żgħir tagħha, b’rieda u direzzjoni ċara minn kulħadd,” qalet Dalli.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u l-MPE Dalli skambjaw eżempji tanġibbli ta’ kif dan jista’ jinkiseb, per eżempju billi jsir testjar fuq l-użu ta’ vetturi elettriċi mifruxa fil-gżira kollha, billi jkun promoss ix-xogħol remot u permezz ta’ inċentivi mmirati lejn l-industriji t’Għawdex.
Dawn l-ideat ġew diskussi fil-kuntest ta’ ekonomija ‘climate-neutral’, li eventwalment ma tipproduċix emissjonijiet. Dan l-għan jinsab fil-qalba tal-Green Deal Ewropew. Filwaqt li din it-tranżizzjoni hija sfida, tista’ toħloq opportunità għal futur aħjar.
Waqt li kienet Għawdex, l-MPE Miriam Dalli żaret lil Farmers Foods, intrapriża ta’ familja Għawdxija li qed tistinka biex in-negozju tagħha jkun innovattiv u sostenibbli. Is-sidien spjegaw il-metodi tagħhom li qed iwassluhom biex ma jipproduċux skart, fejn il-qoxra u ż-żrieragħ tat-tadam jiġu rritornati lill-bdiewa biex jipprovdu nutrijenti għall-ħamrija tagħhom jew biex jitimgħu l-annimali. Ħxejjex lokali staġjonali jintużaw biex jipproduċu prodotti ġenwini Għawdxin, li min-naħa tagħhom jinbiegħu lil negozji u konsumaturi lokali jew jiġu esportati.
L-MPE Dalli ħeġġet biex jingħata aktar appoġġ lin-negozji lokali.
Fil-konklużjoni tagħha, Miriam Dalli ħeġġet lin-negozji Għawdxin biex jaħsbu fit-tul, sabiex jagħmlu n-negozji tagħhom reżiljenti kontra l-isfidi varji li inevitabbilment se jaffaċċjaw.