Il-Gżira Għawdxija ġiet aċċettata biex formalment tissieħeb fl-International Island Games Association (IIGA).
Dan seħħ wara li l-Ministeru għal Għawdex, lura f’April ta’ din is-sena, kien issottometta applikazzjoni biex isir membru ta’ din l-assoċjazzjoni.
L-applikazzjoni sottomessa ġiet aċċettata b’vot unanimu waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-istess assoċjazzjoni li qed tinżamm f’Guernsey, fl-istess post fejn sena oħra se jiġu organizzati n-NatWest International Island Games.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-applikazzjoni ġiet aċċettata b’mod unanimu.
“Permezz ta’ dawn il-logħob internazzjonali, l-atleti Għawdxin se jkollhom pjattaforma oħra fejn juru l-abilitajiet tagħhom u jagħmlu unur kemm għalihom kif ukoll għal Għawdex tagħna,” sostna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru Camilleri qal li l-preparamenti biex Għawdex jissieħeb f’din l-assoċjazzjoni internazzjonali ilhom għaddejjin u fakkar kif matul iż-żjara li l-membri tal-eżekuttiv tal-IIAG għamlu f’Għawdex, faħħru l-impenn, id-determinazzjoni u l-viżjoni tal-gvern biex is-settur sportiv fil-gżira Għawdxija jingħata spinta ’l quddiem u dan bi proġetti kapitali u inċentivi fiskali diretti.
Il-Ministru Camilleri faħħar u rringrazzja lill-Gozo Sports Board, li kien strumentali biex applika b’suċċess u sabiex illum Għawdex jifforma parti minn din l-assoċjazzjoni.
Waqt iż-żjara f’Guernsey, il-kontinġent Għawdxi żar diversi faċilitajiet sportivi li qed jiġu ppreparati għal-logħob tas-sena d-dieħla.
L-International Island Games ġew organizzati għall-ewwel darba f’1985.
Issa l-membri f’din l-assoċjazzjoni huma ta’ 24 gżira minn madwar id-dinja u l-logħob jiġu organizzati kull sentejn.