Monday, September 1, 2025

Għawdex promoss bħala ċentru globali għall-investiment waqt is-SiGMA VIP Gozo Experience u l-Affiliate Retreat

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri indirizza lil aktar minn 60 investitur mis-settur tal-logħob u t-teknoloġiji emerġenti waqt is-SiGMA VIP Gozo Experience fl-Innovation Hub ix-Xewkija. Din kienet l-ewwel kollaborazzjoni tax-xorta tagħha bejn il-Grupp SiGMA u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar permezz ta’ InvestGozo. Bejn it-28 u t-30 ta’ Awwissu kien organizzat ukoll l-Affiliate Retreat li ospita 50 mexxej affiljat ta’ livell għoli. Dawn huma individwi li jiffurmaw komunitajiet online, jimmudellaw il-vjaġġ tal-konsumatur, u jiġġeneraw miljuni fi żjarat u dħul.

Iż-żewġ attivitajiet servew sabiex diversi investituri wrew interess fil-potenzjal li jikkunsidraw lil Għawdex għal inizjattivi ta’ negozju fil-futur, speċjalment minħabba s-sistema b’saħħitha ta’ infrastruttura diġitali u l-kwalità tal-ħajja li joffri Għawdex. Barra minn hekk, l-inċentivi kollha fuq livell nazzjonali huma disponibbli wkoll f’Għawdex, inklużi wkoll inċentivi speċifiċi għall-gżira.

Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Il-Gvern f’dawn l-aħħar snin investa b’mod sostanzjali sabiex il-gżira tkun ippreparata biex tattira investiment ta’ kwalità fis-setturi diġitali u innovattivi. Eżempji ċari ta’ dan huma l-Innovation Hub, l-installazzjoni tat-tieni fibre optic cable, u inizjattivi oħrajn relatati mal-istil ta’ ħajja u l-konnettività, bħall-Padiljun Sportiv u Akkwatiku ta’ Għawdex, l-estensjoni tas-servizz tal-fast ferry, u l-iżvilupp tal-airfield f’Għawdex.”

L-istil ta’ ħajja tal-gżira Għawdxija, il-klima, in-natura, il-baħar, kif ukoll il-qabżiet kbar ekonomiċi u infrastrutturali li twettqu minn dan il-Gvern f’Għawdex kollha huma kruċjali sabiex jiġi attirat dan it-tip ta’ investiment. Camilleri kompla jispjega li kien naturali li l-Ministeru jingħaqad u jikkoopera ma’ SiGMA biex Għawdex jiġi promoss bħala ċentru globali għall-investiment. Saret ukoll kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise u Gaming Malta li huma żewġ entitajiet governattivi ewlenin li joffru gwida u appoġġ fir-rigward ta’ investiment barrani f’pajjiżna.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lil SiGMA, Malta Enterprise, Gaming Malta, il-management tal-Gozo Innovation Hub u lit-tim ta’ InvestGozo fi ħdan il-Ministeru għall-isforzi tagħhom sabiex din l-attività kienet suċċess u jħares ’il quddiem għal aktar investiment globali fil-gżira Għawdxija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport