Wednesday, December 25, 2024

Għawdex ta’ kwalità

Tikteb DR JOSIANNE CUTAJAR, Avukata u eks MEP

Aqra wkoll

Ta’ kull sena pajjiż sħiħ jistenna b’antiċipazzjoni l-Budget. Meta kont iżgħar, niftakar id-diskussjoni dwar liema taxxi daħlu; illum dwar liema taxxi tnaqqsu jew tneħħew. Lil hinn mit-taxxi, pero’, kulħadd ifittex dak li jolqot lilu minn lenti suġġettiva, f’oqsma varji.

Bħala Għawdxija, ma jistax jonqos, li ta’ kull sena nifli kif se jaffettwa l-Budget lil gżiritna. Personalment, ma nħarisx biss lejn l-ammont ta’ drabi li ġie riferut Għawdex b’mod dirett fil-Budget, iżda wkoll lejn kif il-miżuri mħabbra se jolqtu lil Għawdex u l-Għawdxin, anke b’mod in ġenerali. Fost id-diversi miżuri, anke soċjali li ġew imħabbra, bħala mara, ma nistax ma nirreferix għall-miżura li permezz tagħha se titneħħa kwalunkwe taxxa fuq il-prodotti relatati mal-aċċessorji mediċi b’rabta mal-kanċer tas-sider, kif ukoll il-prodotti relatati mal-mestrwazzjoni. Din hi miżura pożittiva mmens li tkompli tibni fuq il-miżura tat-tqassim tal-prodotti mestrwali b’xejn fl-iskejjel sekondarji.

Ma setax jonqos ukoll li nħares lejn setturi li ħdimt fuqhom direttament bħala Membru Parlamentari Ewropew; bħat-trasport u l-konnettività. Meta nitkellmu dwar is-settur tat-trasport, it-tisħiħ tal-infrastruttura tagħna jibqa’ ċertament essenzjali. Ġustament ġieli nsib min jgħidli li li t-toroq ikunu fi stat tajjeb, hu aspett bażiku mistenni miċ-ċittadin. Imma bażiku kemm hu bażiku, niftakar sew l-istat li fih kienu iddiġeneraw bosta toroq, inkluż fin-Nadur meta kont ġejt eletta bħala Kunsilliera lura fl-2012. Kif tela’ Gvern Laburista bdiet issir triq wara l-oħra. Minkejja din il-ħidma pożittiva, hu minnu li fadal toroq oħra li jridu jsiru. Għalhekk, nilqa’ t-tħabbira li saret b’rabta mal-Budget mill-Ministru għal Għawdex: li se jkunu qed jinbdew ammont ta’ toroq arterjali, li jinkludu Triq San Blas, Triq il-Qala u Triq it-Tiġrija.

Meta naħsbu dwar it-tisħiħ fl-infrastruttura, però, hu essenzjali li ma nieqfux biss mat-toroq, iżda naħsbu f’infrastruttura oħra bħal dik marittima li hi tant essenzjali għall-konnettivita’ bejn il-gżejjer tagħna. Żewġ episodji ta’ theddida bomba li seħħew biss ftit jiem qabel il-Budget, reġgħu fakkru lil pajjiż sħiħ kemm Għawdex hu dipendenti fuq il-vapuri tal-Gozo Channel u l-port tal-Imġarr. Min bħali ta’ sikwit jagħmel it-traġitt, żgur li esperjenza l-vapur wieqaf f’drabi iżolati matul is-sena. Iżda min mhux daqstant dipendenti fuq it-traġitt bejn il-gżejjer, ma jaħsibx daqstant fuq il-vulnerabilità t’Għawdex f’każ ta’ waqfien ta’ din l-arterja prinċipali. Dan mhux biss f’każ ta’ maltemp, iżda wkoll f’każ t’emerġenzi varji.

Propju fuq dan il-punt, riċentament ikkummentajt fuq il-medja soċjali tiegħi, b’xi persuni jaqsmu l-fehma tagħhom li jekk Alla ħares qatt iseħħ xi diżastru naturali, bħal ma rajna fi Spanja dan l-aħħar, l-ebda investiment ma jista’ jwaqqaf il-qilla tan-natura.

Filwaqt li ċertament ma nistgħux nikkontrollow il-maltemp, nistgħu nieħdu azzjonijiet biex inkunu preparati għal kull eventwalita’ – kemm b’mod personali u anke bħala pajjiż. Għalhekk, laqtitni l-parti tal-Budget li tiffoka fuq miżuri biex pajjiżna jkun mgħammar bl-aħjar mod possibli f’każ li jiffaċċja diżastru naturali. Postijiet bħal New Zealand u Florida li ġew milquta kemm-il darba minn ċikluni u terrimoti, jaddattaw kontinwament ir-regoli dwar il-bini, kif ukoll dwar kif tiġi żviluppata l-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija, per eżempju. Tfassil simili u taħriġ f’dan il-qasam, pero’, għandu jgħodd ukoll għalina. Ejja niftakru li l-gżejjer huma partikolament vulnerabbli anke għall-effetti tat-tibdil tal-klima. Il-mod kif inkomplu niżviluppaw lil pajjiżna, għandu jkun maħsub bl-għan li, fejn nistgħu, nevitaw effetti negattivi kemm fuq il-ġenerazzjonijiet preżenti, iżda wkoll fuq dawk futuri.

Hawn niġi lura għall-punt tal-importanza tal-infrastruttura u t-trasport marittimu. Bħala pajjiż imdawwar bil-baħar, irridu nkomplu naraw kif nutilizzaw dejjem aktar it-trasport bil-baħar. Gvern Laburista ħa ħsieb li jintroduċi s-servizz tal-fast ferry u r-raba’ vapur li kienu tant bzonnjużi biex itaffu mill-ħin ta’ stennija, kif ukoll biex jiżdiedu l-alternattivi u l-frekwenza ta’ trasport bejn il-gżejjer.

Issa wasal iż-żmien ta’ preparamenti għal flotta ta’ vapuri li jkunu mhux biss aċċessibbli, iżda wkoll attrezzati b’teknoloġiji ġodda u li joperaw bi fjuwils li jniġġsu anqas. Waħda mill-affarijiet li rnexxieli nimbotta b’suċċess bħala Membru tal-Parlament Ewropew, kienet li vapuri tal-passiġġieri li jidħlu f’portijiet ta’ gżejjer żgħar bħal Għawdex, ikollhom aktar żmien biex jagħmlu din il-qalba. Dan mhux b’kapriċċ iżda għax dan it-tip ta’ trasport ma jistgħux jgħaddu mingħajru. Qalba, pero’, li xorta teħtieġ pjan t’azzjoni; kemm għax hi importanti ambjentalment, iżda wkoll għax hemm obbligi li joħorġu minn liġijiet Ewropej fir-rigward.

Nagħlaq bil-ħsieb li ssemma kemm-il darba fis-snin riċenti: li Għawdex ikun ta’ xprun fejn jidħlu inizjattivi teknoloġiċi u ambjentalment sostennibli. Għaldaqstant, nilqa’ s-sejħa għall-offerti li saret mill-Awtorita’ Reġjonali għall-Iżvilupp t’Għawdex għal Pjan biex il-Gżira Għawdxija tikseb in-Newtralità fil-Klima. Aktar minn hekk, inħeġġeġ għal koordinament u ħidma bejn il-partijiet kollha konċernati biex l-islogan ta’ Għawdex bħala ‘test bed’ verament jitwettaq.

Ekonomija

Sport