Għawdxi jibqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament kien qed jitraffika d-droga l-Qala

Aqra wkoll

Raġel ta’ 39 sena residenti r-Rabat Għawdex baqa’ jinżamm arrestat wara li allegatament kien qiegħed jitraffika d-droga fil-Pjazza Isqof M. Buttigieg fil-Qala.

L-Ispettur Keith Xerri spjega quddiem il-Maġistrat Monica Vella li fl-1 ta’ Awwissu li għadda, persuna ċemplet l-għassa li kien hemm karozza suspettuża l-Qala. Il-persuna li tkellmet mal-pulizija b’mod anonimu qalet li hemm suspett li mill-karozza kienet qiegħda tiġi traffikata d-droga.

Hekk kif il-pulizija waslu fil-post indikat, sabu l-karozza wieqfa bis-sewwieq fiha. Huma avviċina lis-sewwieq fejn informawh li kienet se ssir tfittxija fil-karozza tiegħu. Hawn allegatament instab trabb abjad suspettat kokaina.

Is-sewwieq ġie arrestat u wara saret tfittxija fid-dar tiegħu fejn hemm instabet aktar droga u affarijiet relatati ma’ tehid u traffikar tad-droga. Minn investigazzjoni li saret minn fuq il-mobile nstab li allegatament l-imputat kien qiegħed jitraffika l-kokaina.

Ir-raġel tressaq il-Qorti b’arrest fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest fejn wara li l-Qorti semgħet liż-żewġ naħat ċaħdet din it-talab u ġie ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Jurgen Dalli f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Keith Xerri. L-Avukat Joseph Grech mexxa d-difiża.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport