Leon Azzopardi, Għawdxi ta’ disa’ snin din is-sena kklassifika fl-ewwel post fil-kompetizzjoni globali tal-matematika, SuperTematik, kompetizzjoni li fiha jieħu sehem mal-43,000 parteċipant minn skejjel differenti minn madwar id-dinja kollha.
Dan mhux biss, hekk kif din hija t-tieni sena konsekuttiva li Leon ipparteċipa u rebaħ. Matul is-sena li għaddiet, jiġifieri fl-2024, huwa għeleb mal-21,000 student. Il-kompetzzjoni tas-SuperTematik hija kompetizzjoni annwali li tittestja l-fatt ta’ kemm wieħed ikun jaf jikkalkula s-somom fl-inqas ħin possibli.
Azzopardi kkompeta fil-Kategorija numru tlieta, fejn il-parteċipanti ġew sfidati biex isolvu 15-il mistoqsija tal-matematika. Huwa lesta l-problemi fi 32.58 sekonda biss u kiseb l-ewwel post, erba’ sekondi sħaħ qabel it-tieni post.
Matul ix-xahar li għadda Leon u l-ġenituri tagħhom saru jafu dwar it-Tazza tas-Sajf, irreġistraw tard u ma kienux se jidħlu għaliha imma Leon xorta ried jipprovaha.
Jirriżulta li din kienet tinvolvi serje ta’ knockouts suċċessivi mifruxa fuq xahar. Din it-Tazza ġiet żviluppata bil-għan li żżomm lit-tfal fit-triq it-tajba matul ix-xhur tas-sajf b’dak li jagħmlu matul ix-xhur akkademiċi.