Saturday, May 18, 2024

Għawm Dinji: Wellbrock u Cunha jirbħu l-5km

Aqra wkoll

Florian Wellbrock m’għan­du l-ebda buttuna li tin­tefa! Ġranet biss wara li kkompeta fl-avvenimenti tal-għawm tat-800m u tal-1500m, u għen lill-Ġermanja biex tikseb id-deheb fir-relay fl-ilma miftuħ tal-4x1500m, ilbieraħ iċ-champion Olim­piku tal-għawm tal-maratona rebaħ it-titlu tal-5km tal-irġiel f’52:48.8 minuti.

Huwa kien tliet sekondi qabel, it-Taljan Gregorio Paltrinieri, li spiċċa fil-ħin ta’ 52:52.7 biex żied midalja tal-fidda ma’ dik tal-bronż li rebaħ fir-relay tal-Ħadd, flimkien mad-deheb li rebaħ fl-għawma maratona tal-1500m free­style.

Mykhailo Romanchuk, li aktar kmieni din is-sena aċċetta stedina biex jitħarreġ ma’ Wellbrock fil-Ġermanja minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna, rebaħ il-midalja tal-bronż fil-ħin ta’ 53:13.9.

Tmiem mill-aqwa! Wara kważi siegħa għawm f’temperatura ta’ 34°C, il-Brażiljana Ana Marcela Cunha kisbet ir-rebħa bil-ħniena fl-avveniment tal-5km fl-ilma miftuħ tan-nisa.

Iċ-champion Olimpika renjanti spiċċat fil-ħin ta’ 57:52.90 minuti, 0.9s biss aktar veloċi mill-qalbiena Fran­ċiża, Aurelie Muller, li rebħet il-midalja tal-fidda f’57:53.8 Franza.

Il-bronż intrebħet mit- Taljana, Guilia Gabbriel­leschi, fil-ħin ta’ 57:54.9, li jiġu żewġ sekondi lura.

B’hekk Cunha kabbret ir-rekord tagħha bħala l-aktar għawwiema femminili de­korata fl-ilma miftuħ fl- istorja tal-kampjonati mon­­djali akwatiċi meta reb­ħet ħames midaji tad-deheb, tnejn tal-fidda u ħamsa tal-bronż.

L-għawwiema ta’ 30 sena ngħaqdet mal-Ġermaniża, Angela Maurer, bħala l-uni­ċi żewġ atleti li rebħu midalja fl-ilma miftuħ f’sitt kampjonati mondjali diffe­renti tal-għawm.

Illum hija ġurnata ta’ mistrieħ f’din id-dxxiplina. Iżda t-tlielaq ikomplu għada l-Erbgħa meta jsiru l-10km tal-irġiel u tan-nisa, u l-Ħamis isiru l-aħħar żewġ tlielaq fiż-żewġ kategorija li huma maratoni ta’ 25km kull waħda.

Sport