Saturday, December 21, 2024

Għaxar snin mid-disgrazzja li ħasdet il-ħajja ta’ Charlon Borg

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għaxar snin ilu r-raħal ta’ Ħal Qormi tbikkem bit-traġedja fejn spiera ħasdet il-ħajja taż-żagħżugħ ta’ 17-il sena Charlon Borg.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00p.m. meta Charlon, flimkien ma’ missieru, kienu qed ibattlu xi materjal fi spiera viċin il-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi fl-akwati magħrufa bħala tal-bonċ.

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru jidher li meta kienu qed ibattlu dan il-materjal waqgħet it-tappiera ġo l-ispiera u ż-żagħżugħ nieżel għaliha. 

L-eku ta’ din it-traġedja għadu jidwi sal-lum il-ġurnata fejn bosta ħbieb li kienu jafuh illum sellmu l-memorja tiegħu.

Fost l-oħrajn, wieħed mill-ħbieb tal-qalb tiegħu, George Falzon, qal li jħossu n-nuqqas tal-preżenża tiegħu hekk kif fost l-oħrajn jimmisjawh f’kull ikla, f’kull BBQ, f’kull wirja, f’kull festa. 

“Imma hemm aħjar minn hawn isfel. Hemm qiegħed fejn dak li ħabbejt u ħdimt għalih, imħaddan u mgeżwer mal-mantell ħamrani,” kiteb George fuq il-midja soċjali.

Żied jgħid: “Ibqa’ żomm ħarstek fuq il-familja tiegħek ħabib, fuq iż-żgħażagħ membri fis-sessjoni li int kont tagħmel parti minnha, u fuqna ilkoll devoti ta San Ġorġ li ħdimna u armajna spalla ma’ spalla miegħek.”

Charlon kien attiv fil-Festa ta’ San Ġorġ u kien jgħin fl-armar tal festa. Kien ukoll membru tal-Arċikonfraternità lil Madonna tar-Rużarju. 

Ħbieb li kienu jafuh iddeskrivewh bħala żagħżugħ qalbu tajba u li ma kien jaf jgħid le lil ħadd.

Ekonomija

Sport