Sunday, December 22, 2024

Għaxar snin ta’ ħidma b’risq l-istudent f’edukazzjoni avvanzata u ogħla

Aqra wkoll

L-Awtorità ta’ Malta għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHES) ċċelebrat l-għaxar snin anniversarju mit-twaqqif tagħha waqt serata li saret apposta u li matulha tfakkar dan it-tragward għal din l-awtorità. Is-serata kienet parti minn għadd ta’ attivitajiet organizzati biex jiġu ċċelebrati 10 snin ta’ trawwim ta’ eċċellenza għall-edukazzjoni avvanzata u ogħla f’Malta. Kien fl-2012 li twaqqfet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) meta kienu inkorporati l-Kunsill Malti għall-Kwalifikazzjonijiet u l-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla, filwaqt li fl-2021 ġiet stabbilita bħala awtorità.

“Bħala pajjiż, aħna impenjati biex inġibu tkabbir għan-nazzjon tagħna u għall-poplu tagħna. Impenjati li nipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità b’mod ekwu, mhux sempliċiment nipprovdu aċċess għall-istituzzjonijiet – imma permezz tas-servizzi tal-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, inrawmu komunità fejn kulħadd iħossu stmat u aċċettat. Għalhekk l-investiment fl-edukazzjoni huwa l-bażi għal żvilupp li jħalli impatt reali fuq is-soċjetà”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

L-Awtorità ta’ Malta għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) tnediet uffiċjalment fit-8 ta’ Jannar 2021 u hija leġiżlata bl-Att dwar l-Edukazzjoni rivedut li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. L-awtorità taħdem b’mod indipendenti biex tiżgura l-ogħla standards ta’ edukazzjoni u trawwem komunità dejjem aktar kompetenti. Din l-entità tħares li l-istudenti tal-edukazzjoni avvanzata u ogħla jirċievu edukazzjoni tal-aħjar kwalità.

L-edukazzjoni avvanzata u ogħla hija edukazzjoni li mhix obbligatorja, jiġifieri korsijiet li jkunu qed jiġu segwiti f’istituzzjonijiet postsekondarji, vokazzjonali u terzjarji li jinkludu korsijet ta’ apprentistat.

F’diskors waqt din is-serata, il-Ministru Grima qal, “Din l-awtorità topera b’mod biex tilleġittima u tħares kemm l-istituzzjonijiet, kemm il-programmi ta’ studju li joffru kif ukoll lill-istudenti, u taħdem f’konformità mal-istandards tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tippromwovi aktar l-edukazzjoni fil-komunità”.

L-emfasi hija wkoll fuq edukazzjoni ta’ kwalità, għax l-assigurazzjoni tal-kwalità hija importanti ħafna biex tiggarantixxi t-trasparenza u l-effiċjenza. Dan jgħin biex tinħoloq sistema ta’ edukazzjoni lokali affidabbli, għall-benefiċċju kemm ta’ studenti nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Barra minn hekk, l-assigurazzjoni tal-kwalità hija s-sinsla ta’ kwalunkwe Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MFHEA, Rose Anne Cuschieri, qalet li l-awtorità temmen bis-sħiħ fl-irwol u fl-importanza tal-Valuri Fundamentali fl-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja ta’ Kwalità Tajba. Qalet li, “Jekk inqisu r-raġunijiet għas-suċċess tal-awtorità, nemmen li l-MFHEA kienet kapaċi ssaħħaħ ir-relazzjoni mal-provdituri li qed jikkontribwixxu b’mod qawwi u dirett għall-edukazzjoni f’dan is-settur daqshekk important għal pajjiżna. Il-fiduċja u l-affidabbiltà huma kundizzjonijiet kruċjali f’dan il-qasam”.

Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta mmexxija mid-Direttur Kaptan Jonathan Borg ippreżentat kunċert waqt din is-serata, bis-sehem tal-mezzosoprano Graziella Debattista.

Ekonomija

Sport