Saturday, December 14, 2024

GĦAŻLA LEJN MALTA FLIMKIEN B’FUTUR SABIĦ GĦAL KULĦADD

Aqra wkoll

Waslet fi tmiemha kampanja elettorali li fl-aħħar ġimgħat nistgħu ngħidu bassret dwar l-għażla li jeħtieġ li l-poplu jagħmel biex jintagħżel min imexxina għall-ħames snin li ġejjin. Iż-żewġ partiti l-kbar ħarġu bil-proposti tagħhom. Kellek Kap tal-Oppożizzjoni li ħareġ jiġri bil-manifest, biex imbagħad qal li l-emendi li kien hemm bżonn isiru diversi drabi kienu frott tal-ħeġġa biex jiddiskutih man-nies. Minn naħa l-oħra kellna Prim Ministru li minkejja li ppreżenta l-ewwel proposti fi ftit sigħat, baqa’ jħabbar iżjed u iżjed proposti sakemm meta kien il-waqt ippreżenta manifest b’saħħtu ta’ elf proposta li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-kampanja elettorali uriet biċ-ċar liema partit verament jista’ joffri prosperita għal pajjizna. It-tim ta’ kandidati tal-Partit Laburista huwa wieħed b’saħħtu b’taħlita ta’ individwi li lkoll jingħaqdu taħt ghan wieħed; dak li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-proposti tal-Partit Laburista ma jħarsux lejn uċuħ u jolqtu lill-faxex kollha tas-soċjetà Maltija, it-tfal, lill- ħaddiema u lill-anzjani tagħna. Dawn huma uħud mill-kwalitajiet li jiddistingwu bejn iż-żewġ partiti. Il-miżuri tal-Partit Laburista huma immirati għan-nies minghajr terms and conditions. L-Elf proposta tal-Partit Laburista huma mibnija fuq kunċetti ċari u kruċjali kollha immirati sabiex ikomplu imexxu lil pajjiżna ’l quddiem.

Gvern Laburista ġdid se jkompli jibni fuq it-tajjeb li diġà sar filwaqt li jindirizza sfidi ġodda li jinħolqu waqt il-proċess lejn il-progress fejn kulħadd jingħata ċans ugwali jiprogressa.  Se jkompli jwieżen lill-pensjonanti taghna, lil dawk fil-faxex soċjali li huma l-iktar fil-bżonn, u lill-familji tagħna. Se jibqa’ jkun tarka għall-ħaddiema kif ukoll sħab mal-investituri taghna sabiex inkomplu nkabbru u niddiversifikaw l-ekonomija tagħna u noħoqlu opporutnitajiet ta’ xogħol liż-żgħażagħ tagħna u mobbilta ta’ karrieri.

Il-Partit Laburista se jinvesti bis-saħħa fuq titjib fl-ambjent, mhux biss fuq spazji miftuħin iżda wkoll fuq firxa aktar wiesgħa fis-soċjetà tagħna. Se jaħdem biex jagħti ħajja ġdida liċ-ċentr tal-irħula li jservu ta’ pulmun għal-lokalità u jkunu ċ-ċentru tal-attività fil-ħajja tar-resdenti.

Fis-settur tal-edukazzjoni gvern Laburista qiegħed iwiegħed li se jibqa’ kuraġġjuż u dinamiku sabiex ikollna sistema li tibqa’ tindirizza l-bżonnijiet tal-pajjiż. Ma nistgħux nibqgħu ffukati biss fuq l-edukazzjoni li tingħata fuq il-bankijiet tal-iskola u għalhekk, se jsir investiment biex kull tifel u tifla jingħataw opportunitajiet ugwali, lil hinn mill-klassi soċjali li jitwieldu fiha, biex kulħadd ikun jista’ jsib l-imbuttatura meħtieġa biex jitla l-iskaluna soċjali.

Is-26 ta’ Marzu hija ġurnata kruċjali għal pajjiżna. Ninsabu f’salib it-toroq, b’għazla bejn partit maqsum li mhux kapaċi joħroġ manifest elettorali, u partit li baqa’ dejjem viċin in-nies u jilħaq l-aspirazzjonijiet tal-poplu tiegħu. Ninsabu quddiem għazla li jew se narmu dak kollu li bnejna flimkien, għal għazla oħra ta’ prosperità filwaqt li nindirizzaw l-isfidi u t-titjib tal-għajxien. Għażla bejn Partit Nazzjonalista imwaħħal fil-passat u Partit Laburista li jħares ‘il quddiem b’ħeġġa u b’Tim Malta magħqud u lest biex iservi. Meta nagħrblu dan kollu nemmnu li l-għażla ta’ nhar is-Sibt hija għażla ferm iżjed faċli milli wieħed jista’ jaħseb, l-għażla għandha tkun dik lejn Malta Flimkien b’Futur Sabiħ.

Ekonomija

Sport