Saturday, December 21, 2024

GĦAŻLIET POLITIĊI?

Aqra wkoll

Veru li bejn gvern u oppożizzjoni bħal ma dejjem ġara f’pajjiżna, l-kontroversji politiċi baqgħu għaddejja b’fervur kbir. U hekk se jibqa’ jiġri bla dubju għal li ġej.

Biss imbagħad fir-realtà, iż-żewġ naħat kemm huma differenti fil-kunċetti ta’ politika reali li jippriedkaw? Għax jekk nieħdu l-ekonomija pereżempju, fejn l-Oppożizzjoni qanqlet ħafna kritika fl-aħħar sentjen jew kemm, il-verità hi li l-gvern Laburista saq il-mudell ekonomiku li wiret mill-gvern ta’ qablu. Sempliċement uża b’suċċess il-loġika tal-mudell fejn il-gvern ta’ qablu ma rnexxilux jagħmel hekk. Kieku l-gvern ta’ Gonzi rnexxielu jikseb bl-istess mudell l-istess suċċess ta’ ekonomija li tikber b’rati qawwija, kien ikollu l-istess riżultati ta’ żvilupp selvaġġ li għandna llum. 

Terġa’, iż-żewġ naħat minkejja xi jgħidu fil-publiku, donnhom it-tnejn m’għandhomx tabilħaqq ħjiel ta’ kif se jtaffu l-effetti żbilanċjati li naraw madwarna bit-tkabbir ekonomiku.

Hemm oqsma ewlenin oħra tat-tmexxija fejn hemm ukoll qed jiġri hekk.

MILL-ĦAŻIN… 

Fil-Palestina-Iżrael jew l-Iżrael-Palestina is-sitwazzjoni “politika” baqgħet sejra mill-ħażin għall-agħar. L-agħar hu li l-Iżrael daħal fi sqaq: biex isostni l-preżenza tiegħu se jkollu jibqa’ jżid fid-difiża tal-pajjiż bi ħruxija liema bħalha, inkella (hekk jemmen) jitlef kull kontroll.

Min-naħa l-oħra l-Palestinjani u dawk li jappoġġjawhom se jibqgħu aktar u aktar konvinti li m’hemmx triq oħra ħlief reżistenza b’kull mod, minkejja t-traġedji u s-sofferenzi li se jibqgħu jiżdiedu. Il-kult tal-martri jasal biex jiġġustifika imbagħad kull atroċità miż-żewġ naħat. Fl-istess ħin, it-tnejn jagħmlu kull sforz mal-barranin alleati tagħhom barra l-Palestina-Iżrael biex ifornuhom b’aktar armi u munizzjon ħalli jkunu jistgħu ikomplu bil-massakri tagħhom.

KRITERJI

Il-kontroversja meskina li nqalgħet dwar il-ħatra tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tagħti xhieda fuq l-iskala tagħna, bħal f’karikatura, tal-limiti li jeżistu fl-istituzzjonijiet neo-liberali li bihom qed titmexxa d-dinja tagħna. Dawn jirrekjedu organizzazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi imma “tekniċi” b’mod indipendenti – qishom kienu xi strument xjentifiku li jkejjel it-temperatura jew iċ-ċaqliq tal-kwiekeb. 

L-indipendenza meħtieġa kif issa sirna nafu, għandha tfisser li kriterji ta’ trasparenza etika fl-imġiba jiġu deċiżi mill-istess nies li nħatru biex ikunu “indipendenti”. Il-president tal-Bank Ċentrali Ewropew Lagarde instabet ħatja mill-qrati Franċiżi ta’ “negliġenza” f’deċiżjoni li ħadet bħala ministru tal-finanzi ta’ Franza u li biha negozjant prim ingħata trattament favorevoli fuq negozju kbir li kien mexxa.

Lil hinn mill-kurżità tal-imsieken dwar min se jibqa’ jitħallas xhiex, u min se jiġġudika xinhu xieraq jew le, tibqa’ l-mistoqsija: xinhuma tassew il-kriterji dwar kif għandha titqies imġieba li tirrifletti ħażin fuq it-tmexxija ta’ istituzzjoni “indipendenti” bħall-Bank Ċentrali?   

Ekonomija

Sport