Il-31 summit tal-OSCE ġie fi tmiemu b’suċċess hekk kif iċ-Chairperson u Deputat Prim Ministru, Ian Borg, ħabbar li ntlaħaq ftehim li kien ilu s-snin biex jintlaħaq. Għalkemm ma kinitx ħaġa faċli, issa l-OSCE għandha futur quddiemha hekk kif minkejja l-isfidi, issa għandha tmexxija bl-għola karigi għas-snin li ġejjin.
Dan juri kemm in-newtralità ta’ Malta hija importanti u l-Presidenza fdata lilha tal-OSCE f’Jannar li għadda, ħalliet il-frott tagħha. Għalkemm għad hemm deċiżjonijiet oħra li jridu jsiru fosthom dan tal-baġit, it-tama ta’ futur sigur issaħħet permezz ta’ din il-konferenza u l-laqgħat bilaterali li saru f’dawn il-jumejn.
Biex il-ftehim importanti intlaħaq ir-Russja vvotat favur il-karigi tant bżonnjużi għall-kontinwazzjoni tal-OSCE u dan juri wkoll impenn mir-Russja minkejja l-kritika li rċeviet ilbieraħ fl-ewwel sessjoni plenarja.
Il-kunsens intlaħaq bejn is-57 pajjiżi u dan hemm min qiegħed iqisu li jista’ jkun sinjal li fuqu wieħed jista’ jibni biex finalment tintlaħaq il-paċi fl-Ukrajna.