Saturday, December 21, 2024

Għexieren arrestati talli sfidaw il-projbizzjoni fuq protesti  f’Amsterdam

Aqra wkoll

Għexieren ta’ dimostranti favur il-Palestinjani ġew arrestati mill-pulizija f’Amsterdam wara li sfidaw il-projbizzjoni fuq protesti pubbliċi fil-kapitali Olandiża. Mijiet inġabru fi Pjazza Dam nhar il-Ħadd, u sejħu għat-tmiem tal-kunflitt f’Gaża u esprimew id-dissens lejn il-projbizzjoni.

Id-dimostrazzjonijiet kienu temporanjament ipprojbiti mis-Sindku wara li partitarji tal-futbol Iżraeljani kienu fil-mira ta’ dawk li sejħu għal attakki “hit-and-run” il-Ħamis filgħaxija wara l-partita bejn Maccabi Tel Aviv u Ajax Amsterdam.

Il-gvern Iżraeljan ta parir liċ-ċittadini tiegħu biex jevitaw avvenimenti sportivi u kulturali Iżraeljani waqt li jkunu barra minn pajjiżhom, speċifikament il-logħba tal-futbol bejn Franza u Iżrael f’Pariġi nhar il-Ħamis.

L-awtoritajiet qalu li l-attakki li wasslu biex ħames persuni ddaħħlu l-isptar, kienu motivati minn antisemitiżmu hekk kif il-partitarji ġew imfittxija madwar il-belt.

Il-vjolenza, li wasslet għal mill-inqas 62 arrest, ġiet ikkundannata mill-mexxejja fl-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Iżrael.

Il-protesta kienet aggravata mill-attakki li seħħew lejlet il-kommemorazzjonijiet tal-Kristallnacht – pogroms Nazisti kontra Lhud Ġrmaniżi li seħħew fl-1938. Tliet kwarti tan-nies Lhud li kienu jgħixu fl-Olanda nqatlu waqt l-Olokawst fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-pulizija ta’ Amsterdam qalet li kien hemm ukoll inkwiet fil-lejl ta’ qabel il-partita. Il-Kap tal-Pulizija qal li kien hemm inċidenti “fuq iż-żewġ naħat”, fosthom partitarji Iżraeljani li neħħew bandiera Palestinjana minn fuq ħajt u ħarquha, u attakkaw taxi.

Id-dimostranti nhar il-Ħadd argumentaw li għandhom ikunu ħielsa li jesprimu d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-azzjonijiet ta’ Iżrael f’Gaża u l-azzjonijiet tal-partitarji tal-Maccabi.

Qalu wkoll li l-protesta m’għandha x’taqsam xejn mal-antisemitiżmu imma kontra hooligans Iżraeljani li kienu qed jeqirdu l-belt ta’ Amsterdam.

L-aġenziji tal-aħbarijiet irrapportaw li aktar minn 100 persuna nżammu arrestati talli attendew għall-protesta. Il-Pulizija f’Amsterdam ikkonfermat li kien hemm arresti, iżda ma qalux kemm.

L-ambaxxata Iżraeljana fl-Olanda aktar kmieni wissiet lill-Iżraeljani f’Amsterdam biex ma jersqux lejn il-pjazza prinċipali Dam Square, u qalet li l-protesti jista’ jinbidlu f’inċidenti vjolenti sinifikanti.

Il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Iżrael qal liċ-ċittadini tiegħu biex jevitaw dimostrazzjonijiet pubbliċi ta’ kull tip u jaħbu dak li jista jidentifikahom bħala Iżraeljani/Lhudi.

Il-kap tal-pulizija ta’ Pariġi wiegħed li 4,000 uffiċjal se jiġu skjerati fl-istadium u madwar il-kapitali Franċiża għall-partita tal-League tan-Nazzjonijiet  fl-14 ta’ Novembru.

Ekonomija

Sport